Il-Kunsill Belti jikkummissjona studju dwar il-kwalità tal-arja fil-Kapitali

Fuq Facebook, il-Kunsill saħaq li wara l-istudji se jkunu qed jittieħdu d-deċiżjonijiet kollha neċessarji

Il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, b’kollaborazzjoni mad-Dipartiment tal-Ġeoxjenzi fl-Università ta’ Malta se jkun qed iwettaq studju dwar il-kwalità tal-arja fil-Belt Valletta.

Kien is-Sindku Alfred Zammit li ressaq din il-proposta, bil-Kunsill Lokali Belti jkun l-ewwel wieħed li jikkummissjona studju simili.

Fuq Facebook, il-Kunsill Lokali insista li s-saħħa tal-Beltin hija l-ewwel prijorità u wara l-istudji, il-Kunsill se jkun qed jieħu d-deċiżjonijiet kollha neċessarji.

Fl-ewwel intervista tiegħu bħala Sindku, Alfred Zammit kien wera t-tħassib tiegħu mal-gazzetta ILLUM dwar it-tniġġis tal-arja fil-Belt Valletta.

‘Il-Belt hawn ħafna emmissjonijiet. Din tinkwetani ħafna. Tfisser ħsara għas-saħħa tar-residenti. It-toroq tal-Belt huma dojoq. Karozzi u trakkijiet iduru fihom. Anke l-problema tat-trakkijiet u l-vannijiet li jidħlu l-Belt irridu nindirizzaw,” kien saħaq is-Sindku Zammit huwa u jitkellem dwar il-problema tal-parkeġġ fil-Belt Valletta.

More in Politika