Żgħażagħ iwarrbu l-partiġġjaniżmu u jitolbu lill-Gvern isejjaħ Stat ta' Emerġenza dwar il-Klima

L-ittra mibgħuta wkoll lill-PM, kienet iffirmata minn 30 għaqda fi ħdan il-KNŻ inkluż mill-Forum Żgħażagħ Laburisti

Tletin għaqda taż-żagħażagħ, inkluż il-Forum Żgħażagħ Laburisti, ingħaqdu mal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ biex jitolbu lill-Prim Ministru jsejjaħ Stat ta' Emerġenza Nazzjonali dwar il-Klima. 

Dwar dan kienet ressqet ukoll mozzjoni l-Oppożizzjoni u lbieraħ Adrian Delia appella lill-Gvern biex jitwarrab fil-ġenb il-partiġġjaniżmu u ż-żewġ naħat jaħdmu flimkien fuq din il-mozzjoni. Il-vot dwarha għandu jittieħed illum.

“Din l-ittra turi biċ-ċar li l-Għaqdiet Membri tal-Kunsill, li jvarjaw minn għaqdiet studenteski, eNGOs, għaqdiet volontarji u politiċi mhux qed iħarsu lejn din il-materja bħala waħda ta' politika partiġġjana, iżda qed iħarsu lejha minn lenti ta' żvilupp sostenibbli għall-ġid tal-ġenerazzjonijiet preżenti u futuri,” insista l-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ.

Huma saħqu li kif iż-żgħażagħ qed juru biċ-ċar li kienu kapaċi jwarrbu l-opinjonijiet politiċi u għalhekk appellaw lid-Deputati Parlamentari li jagħmlu l-istess u jingħaqdu għall-ġid tal-pajjiż.

More in Politika