Brexit | Pospost il-vot fuq il-ftehim wara l-emenda ta' Letwin

F'seduta storika l-Parlament Ingliż jivvota favur l-emenda tal-MP Letwin 

Il-Prim Ministru Ingliż Boris Johnson se jkollu jistenna ftit oħra għall-approvazzjoni tal-ftehim li ntlaħaq bejn il-Gvern Ingliż u l-Unjoni Ewropea dwar Brexit. Dan għaliex fis-seduta tal-lum is-Sibt, il-Parlament Ingliż ivvota favur l-emenda tal-Membru Parlamenti Oliver Letwin sabiex qabel isir vot fuq Brexit il-Parlament jiddiskuti kull leġislazzjoni li se tkun qed tinbidel wara divorzju bejn ir-Renju Unit u L-UE.

Fl-emenda, Letwin talab għal estensjoni oħra għal Brexit sakemm il-Parlament Ingliż jaqbel fuq il-ftehim li ntlaħaq din il-ġimgħa. B’hekk issa Johnson se jkun legalment obbligat li jitlob estensjoni dwar Brexit u li jkun żgurat li ma jseħħx Brexit bla ftehim.

Il-Membri Parlamentari kellhom jiltaqgħu wara summit importanti tal-Unjoni Ewropea, li kien meqjus bħala l-aħħar ċans għar-Renju Unit u l-Unjoni Ewropea biex jilħqu ftehim qabel il-ġurnata li fiha għandu jseħħ Brexit, jiġifieri l-31 ta’ Ottubru.

Interessanti l-fatt li mill-1939, il-Parlament Ingliż tlaqqa’ s-Sibt erba’ darbiet, fosthom meta faqqgħet it-Tieni Gwerra. Waqt li kienet qed issir din is-seduta ġiet protesta kbira organizzata minn dawk li ma jridux li Brexit iseħħ. Għal din il-protesta, li spiċċat ħdejn Westminister attendew eluf ta’ persuni.

More in Politika