Il-mexxejja tal-UE japprovaw il-ftehim għal Brexit; Muscat jisħaq li dan juri flessibbilità u rieda tajba

Jappella wkoll lill-mexxejja tal-UE biex jikkunsidraw il-passi li jmiss jekk il-Parlament Ingliż, għada, jivvota kontra l-ftehim

Il-Prim Ministru Joseph Muscat u l-mexxejja l-oħra tal-Unjoni Ewropea qablu dwar il-ftehim ġdid dwar Brexit waqt is-summit tal-Kunsill Ewropew fi Brussell.

Muscat saħaq li huwa sodisfatt ħafna bil-ftehim għax fi kliem juri “flessibbilità u rieda tajba miż-żewġ naħat,” waqt li jiddefinixxi mekkaniżmu temporanju li jbiddel il-backstop fl-Irlanda ta’ Fuq.

Madanakollu, Muscat saħaq li l-mexxejja xorta waħda għandhom jikkunsidraw il-passi li jmiss jekk il-Parlament Ingliż, għada, jivvota kontra l-ftehim.

Id-diskussjonijiet waqt is-summit trattaw ukoll it-tkabbir tal-Unjoni Ewropea, fejn kien hemm nuqqas ta’ qbil dwar jekk għandhomx jibdew negozjati mal-Maċedonja ta’ Fuq u l-Albanija.

Dwar dan, se tkun qed tittieħed deċiżjoni s-sena d-dieħla.

Tul is-summit, il-President elett tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula Von Der Leyen, ippreżentat il-programm tagħha lill-mexxejja Ewropea.

Muscat faħaħr ħafna l-importanza u l-enfasi li l-Kummissjoni l-ġdida se tkun qed tagħti lill-kwistjonijiet ambjentali u t-tibdil fil-kliema.

More in Politika