Casa jgħid lill-Parlament Ewropew li Konrad Mizzi qed jaspira li jsir Prim Ministru

L-Ewroparlamentari Nazzjonalista jisħaq li Konrad Mizzi, Keith Schembri u Yorgen Fenech huma problemi Ewropej

L-Ewroparlamentari David Casa qal lill-Parlament Ewropew li l-Ministru Konrad Mizzi qiegħed jaspira li jsir Prim Ministru f’Malta.

Casa qal dan waqt  avveniment li seħħ illum fil-Parlament Ewropew, liema avveniment fakkar lil Daphne Caruana Galizia u kien intitolat "Tirriskja kollox biex tħares il-valuri tal-UE u d-demokrazija: Nipproteġu l-ġurnalisti fl-UE.

Fid-diskors tiegħu, David Casa għamel referenza għall-Panama Papers u saħaq li filwaqt li dawn wasslu għal riżenji f'pajjiżi bħall-Pakistan u l-Mongolja, f’Malta baqa’ ma sar xejn.

“Aħna rridu nkunu aktar b'saħħitna meta niġġieldu kontra dawn it-travestiji tal-ġustizzja. Konrad Mizzi, Keith Schembri u Yorgen Fenech mhumiex biss problemi Maltin. Huma problemi Ewropej,” insista l-Ewroparlamentari.

Huwa saħaq li filwaqt li Daphne Caruana Galizia mhux se tiġi lura, il-qtil tagħha għandu jservi ta’ eżempju biex jittieħdu l-azzjonijiet kollha neċessarji biex il-ġurnalisti ma jgħaddux minn dak li kellha tgħaddi minnu hi

Casa insista li Caruana Galizia kienet fil-mira ta’ kampanja kkoordinata ta' mibegħda li damet għaxar snin. Fi kliemu, ċertu każijiet kienu ppjanati flimkien ma' persuni fl-ogħla livelli tal-poter f'Malta.

 “Għandu jkun hemm konsegwenzi fuq l-imminar sistemiku ta' ġurnalisti fi stat membru tal-UE. U rridu nindirizzaw b'mod effettiv l-użu ta' kawżi biex jintimidaw u jattakkaw lill-ġurnalisti,” iddikjara Casa.

Casa tenna wkoll għall-importanza li jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet jagħmlu d-dover tagħhom.

"Daphne kienet l-iktar f’pożizzjoni vulnerabbli meta dawk li hi esponiet baqgħu f'pożizzjoni tal-poter. Ġurnalist għandu wkoll il-limitazzjonijiet tiegħu. Wara l-investigazzjoni magħmula minn ġurnalist, huma l-istituzzjonijiet tal-pajjiż li jridu jagħmlu d-dmirijiet tagħhom. Ġurnalist ma jistax iressaq il-qorti s-suspettati. Dawk li Daphne esponiethom bħala korrotti - involuti f'attività kriminali - ghadhom jżommu kariga pubblika llum,"temm jgħid Casa.

More in Politika