Sal-aħħar ta' Jannar li ġej se jinfetħu żewġ flyovers oħra fil-Marsa

Żewġ flyovers oħra se jinfetħu f'Marzu biex sal-aħħar tal-2020 dan il-proġett ikun lest

Il-Ministru għat-Trasport, Proġetti Kapitali u l-Infrastruttura, Ian Borg, ħabbar li sal-aħħar ta’ Jannar li ġej, se jkunu lesti żewġ flyovers oħra tal-proġett tal-Junction tal-Marsa.

Fuq Facebook, il-Ministru spjega kif dan se jkun ifisser li jitneħħew darba għal dejjem it-traffic lights tal-Addolorata.

Żewġ flyovers oħra, kompla jispjega l-Ministru se jkunu lesti f’Marzu biex sal-aħħar tas-sena d-dieħla l-proġett ikun lest.

Il-flyovers, li se jkunu inawgurati f’Jannar, jgħaqqdu lil Santa Luċija ma’ Triq Aldo Moro u Santa Luċija ma’ Ħal Qormi.

Minn dalgħodu l-kuntratturi tal-proġett bdew itellgħu u jpoġġu f’posthom it-travi tal-konkos ta’ waħda mill-istrutturi ta’ dawn il-flyovers. 

B’kollox se jpoġġu 65 travu tal-konkos li se jiffurmaw rotta ta’ 227 metru (it-tul ta’ żewġ groundstal-football) minn Vjal Santa Luċija sal-ogħla parti tal-ewwel flyover, li kienet inawgurata x-xahar l-ieħor. Din id-distanza se tagħmel din il-flyover l-itwal struttura tax-xorta tagħha f’Malta. 

Karreġġjati magħluqa u rotot alternattivi

Fi stqarrija, Infrastructure Malta spjegat kif minħabba x-xogħlijiet se tkun qed tagħlaq parti mill-karreġġjata tat-tramuntana ta’ Vjal Santa Luċija, quddiem il-parkeġġ taċ-Ċimiterju tal-Addolorata

Għal ftit xhur, waħda miż-żewġ korsiji tal-karreġġjata tan-nofsinhar ta’ din il-parti mit-triq se tkun qed tintuża fid-direzzjoni lejn it-tramuntana għal dawk li jkunu niżlin min-naħa ta’ Santa Luċija lejn Triq Aldo Moro.

Il-flyovers li se jinfetħu f’Marzu għalfejn se jwasslu?

Żewġ flyovers oħrajn ta’ dan il-proġett se jinfetħu għall-pubbliku sal-aħħar ta’ Marzu li ġej. 

Dawn iż-żewġ flyovers se jgħaqqdu l-karreġġjata tan-nofsinhar ta’ Triq Aldo Moro (il-Marsa) ma’ Triq Giuseppe Garibaldi, fid-direzzjoni lejn Ħal Luqa, il-mini ta’ Ħal Kirkop u l-Ajruport. 

Għal din ir-rotta bħalissa qed jintużaw temporanjament iż-żewġ flyovers li nfetħu x-xahar li għadda, li eventwalment se jintużaw bħala konnessjoni diretta lejn it-tramuntana bejn dawn iż-żewġ toroq.

Il-kuntratturi tal-aġenzija lestew il-pedamenti u l-pilastri tal-konkos għall-istrutturi ta’ dawn iż-żewġ flyovers ta’ Triq Garibaldi.

It-travi tal-azzar li jiffurmaw il-liwja ta’ waħda minn dawn iż-żewġ flyovers issa jinsabu f’posthom u l-ħaddiema qed jibnu l-gverta fuqhom, li se tkun b’żewġ korsiji. Ir-rampi fit-truf ta’ dawn iż-żewġ flyovers se jitlestew ukoll fix-xhur li ġejjin. 

More in Politika