Debono jirriżenja minn koordinatur politiku tal-Partit Nazzjonalista

Debono kien irriżenja minn MP ftit wara li tela’ fl-elezzjonijiet tal-2017, sabiex jagħmel post għal Delia stess fil-Parlament.

Ritratt ta' James Bianchi
Ritratt ta' James Bianchi

Jean Pierre Debono għadu kif ħabbar ir-riżenja tiegħu minn 'Chief Political Co-ordinator fil-Partit Nazzjonalista.

F'kitba fuq il-paġna tiegħu ta' Facebook huwa qal li t-Tnejn li għadda ppreżenta r-riżenja lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia. Żied jgħid li din id-deċiżjoni ħadha bl-għan li jiffoka fuq il-ħidma tiegħu fix-xogħol il-ġdid mas-settur privat u fuq il-kandidatura tiegħu mal-PN fuq is-7 Distrett. 

"Jiena għidt lil Adrian Delia li lest ngħin lill-PN fejn ikun meħtieġ. Ovvjament nirringrazzja lil kull min kelli l-opportunità naħdem u nitgħallem miegħu jew magħha b'mod partikulari l-4 Kapijiet tal-PN li tawni l-opportunità naħdem magħhom," qal Debono.

F'Ġunju li għadda f'nofs kontroversja interna wara l-vot tal-Kumitat Eżekuttiv, Debono kien qal li mhux se jkun qed jieħu s-siġġu Parlamentari u għalhekk mhux se jkun qed jieħu l-ġurament tal-ħatra bħala Membru Parlamentari. Madanakollu huwa kien ċaħad li bagħbas il-lista ta' dawk eliġibbli biex jivvutaw fil-Kumitat Eżekuttiv.

Debono kien irriżenja minn MP ftit wara li tela’ fl-elezzjonijiet tal-2017, sabiex jagħmel post għal Delia stess fil-Parlament.

More in Politika