Omtzigt jallega li l-Pulizija Maltija rrifjutat evidenza dwar il-qtil ta' Caruana Galizia

Omtzigt qal dan mal-ġurnal The Guardian u li fih jakkuża wkoll lill-PM li attakkah verbalment għax qed isegwi dan il-każ

Pieter Omtzigt li huwa rapporteur tal-Kunsill tal-Ewropea, f’kummenti ma’ The Guardian, qajjem “dubji serji” dwar l-investigazzjoni tal-Pulizija Maltija fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Meta kien qed jitkellem mal-ġurnal, fit-tieni anniversarju mill-mewt ta’ Caruana Galizia, Pieter Omtzigt saħansitra saħaq li l-awtoritajiet Maltin setgħu ma aċċettawx evidenza li setgħet tefgħet dawl fuq min seta’ kien il-moħħ wara l-qtil.

Fi kliemu anke jekk uffiċjali individwali qed jagħmlu l-almu tagħhom, il-Korp tal-Pulizija b’mod ġenerali u l-politiċi responsabbli minnu, mhux iżommu mal-wiegħda tal-Prim Ministru Joseph Muscat li l-awtoritajiet se jagħmlu dak kollu possibbli biex isolvu l-każ.

Omtzigt għamel referenza għal rapporti fuq midja lokali u li sa issa għadhom ma ġewx approvati, li wieħed mill-irġiel akkużati bil-qtil, jiġifieri Vince Muscat, lest jagħti informazzjoni sensittiva.

Skont Omtzigt, sa issa, l-awtoritajiet Maltin għadhom ma qablux jekk titnaqqaslux is-sentenza jekk jikxef informazzjoni.

Pieter Omtzigt
Pieter Omtzigt

Omtzigt saħansitra saħaq li huwa mħasseb li la Vince Muscat, la l-avukat tiegħu u lanqas dawk involuti, ma ngħataw il-protezzjoni adegwata.

Huwa jkompli b’lista ta’ tħassib dwar il-każ, fost dawn saħaq li ma jistax jifhem kif il-Pulizija Maltija ma talbitx lill-Pulizija Ġermaniża għal informazzjoni mil-laptop ta’ Caruana Galizia.

Fakkar ukoll li l-eks Kap tal-Europol lmenta dwar nuqqas ta’ koperazzjoni mill-pulizija Maltija.

Omtizgt jgħid ukoll li minħabba l-interess tiegħu fil-każ spiċċa attakkat verbalment mill-Prim Ministru u anke rċieva theddid.

The Guardian saħqet li kemm l-Uffiċċju tal-Prim Ministru u anke l-Pulizija rrifjutaw li jikkummentaw.

More in Politika