'Baġit bla viżjoni, xott u b'sensiela ta' wegħdiet irriċiklati li qatt ma twettqu' - Delia

Fl-ewwel reazzjoni għall-baġit, Delia jiddeskrivi l-baġit bħala eżerċizzju biex jissewwew il-problemi li ħoloq il-Gvern u li ma joffri l-ebda tama

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia ddeskriva l-baġit għas-sena d-dieħla bħala wieħed bla viżjoni, xott u b’sensiela ta’ wegħdiet rriċiklati għax il-Gvern baqa’ ma wettaqhomx.

Adrian Delia qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet li matulha prattikament biċċer u kkritita kull sezzjoni tal-baġit li għadu kemm ħabbar il-Gvern.

Il-Kap Nazzjonalista insista li kieku wieħed kellu jagħsar dan il-baġit jiddeskrivih bħala eżerċizzju biex jissewwew il-problemi li ħoloq il-Gvern stess li iżda ma joffri l-ebda tama għall-ġenerazzjonijiet tal-futur.

Dwar iż-żieda għall-għoli tal-ħajja, li se tkun ta’ €3.49, il-Kap Nazzjonalista qal li din lanqas biss tagħmel tajjeb almenu għax-xirja ta' ġimgħa.

L-istes fejn jidħlu l-pensjonijet. Skont Delia, għalkemm il-Gvern qed jipprova jikkumpensa, ma joffri l-ebda serħan tal-moħħ li l-pensjonijiet jistgħu jkunu sostenibbli.

Kien hawn li tenna dak li l-Partit Nazzjonalista ilu jisħaq dwaru, jiġifieri li l-uniku pjan li għandu l-Gvern hija li jkabbar l-ekonomija bil-popolazzjoni.

“Il-Gvern qed jipproponi li jibqa’ jżid il-barranin fiċ-cheap labour, iżda alternattivi għal dan ma għandu xejn. L-ebda inizjattiva oħra biex jattira aktar investiment,” qal Delia.

Insista li fl-ebda ħin, il-baġit ma jindirizza l-problema tal-kirjiet u l-prezzijiet tal-proprjetà waqt li insista li l-Gvern ma offra xejn lil dik il-koppja żagħżugħa Maltija li biex tixtri post qed tispiċċa tikkompeti ma’ disa’ barranin lesti biex jikru l-istess post.

Għadda biex jitkellem dwar l-ambjent u filwaqt li qal li japprezza l-fatt li l-Gvern tkellem dwar dan, xorta waħda ma offra xejn konkret, fosthom għax fl-ebda ħin ma tkellem dwar it-tibdil fil-klima jew it-tniġġis tal-arja.

“Qed jitkellem minn żvilupp sostenibbli imma mhux qed jgħid kif se jtaffi t-tniġġis fl-arja,” saħaq Delia.

Dwar it-traffiku, il-Kap Nazzjonalista, qal li l-Gvern semma biss xogħlijiet li jridu jsiru bilfors, mingħajr ma offra pjan u viżjoni.

Tkellem dwar l-għalliema, bil-Kap Nazzjonalista jisħaq li l-Gvern ma offra xejn għalihom u dan minkejja li, fi kliemu, jitħallsu l-inqas fl-Ewropa. Hawn tkellem ukoll fuq l-edukazzjoni inġenerali, b’Adrian Delia jisħaq li l-uniku miżura tal-Gvern kienet l-iskola tal-Qawra li ilha mwiegħda snin.

Dwar is-settur finanzjarju u dak tal-gaming, Adrian Delia insista li ma offra l-ebda pjan u viżjoni għal dawn iż-żewġ setturi fundamentali għall-ekonomija.

“Kif se jġiegħel investimenti serji biex dawn jibqgħu jsostnu lill-pajjiżna?” staqsa l-Kap tal-Oppożizzjoni waqt li insista li dawn is-setturi spiċċaw ibatu “mir-reputazzjoni tal-pajjiż.”

Fl-aħħarnett saħaq li għal Għawdex il-Gvern kellu x’joffri biss wiegħdiet fiergħa li ma twettqux, inkluż il-fast ferry.

More in Politika