‘Wasalna fejn ħaddieħor kien jaqta’ qalbu li naslu’ - il-PM Muscat

Muscat tkellem dwar diversi miżuri li tħabbru illejla fosthom dawk li huwa ddeskriva bħala wirja ċara tal-ġustizzja soċjali li hi l-etos tal-Partit Laburista.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat
Il-Prim Ministru Joseph Muscat

Fid-diskors tiegħu propju ftit ħin wara li ntemm id-diskors tal-baġit fil-Parlament, il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li dan il-baġit wera li Gvern Laburista wasal fejn ħaddieħor kien jaqta' qalbu li jasal. 

Muscat tkellem dwar diversi miżuri li tħabbru illejla fosthom dawk li huwa ddeskriva bħala wirja ċara tal-ġustizzja soċjali li hi wkoll l-etos tal-Partit Laburista. Il-Prim Ministru kompla jgħid kif dawn il-miżuri mhumiex fula f’qargħa, iżda miżuri li bihom il-Maltin u l-Għawdxin se jibqgħu jgawdu minnhom. B’mod partikolari huwa tkellem dwar iż-żieda fil-pensjoni.

“Din hi l-akbar żieda li ngħatat lill-anzjani fl-aħħar 40 sena. Trid tmur lura għall-1980 biex tara din iż-żieda. Aħna kburin li għall-ħames sena konsekuttiva żiedna l-pensjonijiet. U nista’ nwiegħed li jekk nibqgħu nimxu kif sejrin se nibqgħu nżiedu l-pensjonijiet għax hekk jixraqilhom wara snin twal bil-pensjonijiet iffriżati,” rrimarka Muscat.

Huwa semma’ wkoll il-miżura li se tiffaċilita x-xiri ta’ postijiet għal dawk ta’ taħt l-40 sena. “Din hi miżura soċjali li turi kemm qed ngħinu lin-nies isir sidin ta’ darhom. L-ekonomija kibret minn tmien biljun għall 14-il biljun fi tmien snin. Naqqasna d-dejn min 78% għal 40%. Filwaqt li ma żidnix taxxi f’dan il-pajjiż se nkunu qed nagħmlu surplus," qal Muscat.

Fl-aħħar nett huwa rringrazzja lil dawk kolla li ħadmu fuq dan il-baġit.

Minn naħa tiegħu d-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li dan kien baġit tan-nies. Fearne żied jgħid li, “jidher ċar li dan il-baġit kompla d-direzzjoni ta’ suċċess li kellna f’dawn l-aħħar seba’ snin u kompla jfassal is-suċċess tal-ġejjini.”

More in Politika