Baġit | Għajnuna għal ġenituri bi tfal b'mard rari u għal dawk li jbatu mill-Fibromyalgia

Il-Gvern se jassisti aħjar lil dawk li jirċievu trattament għall-kanċer u li jkollhom jitilfu ħafna ġranet xogħol

Il-Gvern ħaseb ukoll li jgħin lil dawk il-ġenituri li jkollhom tfal b'mard rari u li minħabba f'hekk ikollhom jiefqu mix-xogħol.

Li jiġri huwa li dawn il-ħaddiema jispiċċaw b'kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali mnaqqsa.

Għalhekk, dawn se jkunu qed jingħatalhom kontribuzzjonijiet akkreditati tas-sigurtà soċjali biex meta huma jiefqu jaħdmu ma jaffettwax ħażin ir-rekord tal-kontribuzzjonijiet tagħhom u b'hekk, meta jirtiraw, ikunu eliġibbli għal pensjoni aħjar.

Il-Gvern se jkun qed iħallas sa tmien snin f'kontribuzzjonijiet soċjali.

Għajnuna għal dawk li jbatu mill-Fibromyalgia

Il-Ministru għall-Finanzi saħaq kif wasal iż-żmien biex persuni li jbatu mill-Fibromyalgia u ME jibdew jibbenefikaw huma wkoll minn għajnuna.

Għalhekk, mill-1 ta' Jannar 2020, dawn iż-żewġ kundizzjonijiet, se jkunu jiffurmaw parti mil-lista ta' kundizzjonijiet tal-Għajnuna għal Mard mhux kontributorja.

Għalhekk, peress li ma jkunux jistgħu jaħdmu, jekk jissodisfaw it-test tal-mezzi u l-kriterji mediċi, ikunu jistgħu jibdew jirċievu għajnuna medika wkoll.

Ħlas ta' benefiċċju għall-mard

Fil-Baġit tħabbar ukoll aktar għajnuna għall-persuni li jkunu qed jirċievu trattament għall-kanċer.

Dawn se jkunu eliġibbli għall-ħlas tal-benefiċċju mill-ewwel ġurnata, mit-tieni talba 'l quddiem u mhux mir-raba' ġurnata kif iseħħ f'każijiet oħra ta' mard.

L-għan ta' din il-miżura hija li minħabba li dawn il-persuni ma jkollhomx dħul sħiħ mill-paga minħabba li jkunu ħadu l-leave kollu għal waqt il-mard, ma jibqgħux jitilfu aktar mill-benefiċċju tal-mard għax mit-tieni talba għall-benefiċċju 'l quddiem ser jibdew ikunu intitolati għall-ħlas tal-benefiċċju għall-ewwel tlett ijiem ukoll.

More in Politika