Il-Kummissjoni għall-Ġustizzja mitluba tinvestiga lill-Imħallef Giovanni Grixti

Avukat u Repubblika talbu din l-investigazzjoni wara d-deċiżjoni tal-Imħallef li bidlet deċiżjoni oħra dwar inkjesta maġisterjali fuq il-VGH

L-Imħallef Giovanni Grixti
L-Imħallef Giovanni Grixti

L-Avukat Andrew Borg Cardona  u l-NGO Repubblika talbu lill-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizza biex tinvestiga lill-Imħallef Giovanni Grixti għax fi kliemhom, bid-deċiżjoni tiegħu, wassal biex il-proċess ġudizzjarju jitlef mir-rispett tiegħu.

Fid-deċiżjoni tiegħu, l-Imħallef Grixti biddel deċiżjoni tal-Maġistrat Claire Stafrace Zammit biex issir inkjesta maġisterjali dwar il-ftehim bejn il-Gvern  u dik li kienet il-Vitals Global Healthcare, għat-tmexxija tal-Isptar Ġenerali ta' Għawdex u l-isptarijiet San Luqa u Karin Grech.

Repubblika kienet għamlet talba mill-ġdid għal investigazzjoni ġudizzjarja fuq dan il-ftehim u dak li hi qed issejħulu bħala "aġir korrott" mill-Ministri Edward Scicluna, Konrad Mizzi u Chris Cardona, apparti Ivan Vassallo s-sid tal-kumpanija Technoline li kienet ingħata t kuntratt esklussiv għax-xiri tat-tagħmir mediku.

Din it-talba issa tgħaddi mingħand il-Prim Imħallef għal quddiem il-Kumitat għall-Imħallfin u l-Maġistrati li jagħti ċans lill-Imħallef Grixti biex iwieġeb għal dak li qed tisħaq l-NGO Repubblika.

Wara dan tittieħed id-deċiżjoni dwar jekk jittiħdux passi kontra l-Imħallef.

Aqra aktar dwar għalfejn Repubblika kienet talbet l-inkjesta:

More in Politika