Il-Pulizija tinvestiga allegazzjonijiet ta' influwenza politika fil-bejgħ tal-passaporti

Jidher li l-Pulizija talbet fajls u dokumenti dwar il-klijenti ta' Chetcuti Cauchi

Il-Pulizija bdiet investigazzjoni dwar il-klijenti tad-ditta legali Chetcuti Cauchi wara allegazzjonijiet ta' influwenza politika fil-programm taċ-Ċittadinanza b'Investiment.

Id-ditta legali spiċċat f’nofs kontroversja wara li l-programm Franċiż Enquête Exclusive, ippubblika filmat fejn ġurnalist Franċiż mar fl-uffiċini ta' Chetcuti Cauchi biex jistaqsi dwar il-programm taċ-ċittadinanza Maltija. Ġurnalist, ippoża daqslikieku kien rappreżentant legali ta’ klijenti Afrikani li kienu interessati li jixtru ċ-ċittadinanza Maltija.

L-Avukat Malti, li issa huwa kkonfermat li kien Jean-Philippe Chetcuti, jinstema’ jiftaħar fuq kemm għandu relazzjoni tajba mal-Prim Ministru Joseph Muscat, fosthom għax kien l-iskola miegħu. Jinstema’ jsemmi wkoll kif martu hija ħabiba tas-Segretarju Parlamentari responsabbli miċ-Ċittadinanza, Julia Farrugia Portelli.

Wara dawn l-allegazzjonijet, id-ditta legali kellha l-liċenzja tagħha, bħala aġent tal-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment, sospiża.

Skont il-gazzetta oħt, MaltaToday, il-Pulizija talbet dokumenti u anke fajls tal-klijenti ta' Chetcuti Cauchi, li d-dita l-legali kienet għaddiet lill-Aġenzija responsabbli mill-Programm taċ-Ċittadinanza b'Investiment.

Sorsi li tkellmu mal-gazzetta qalu li l-għan tal-investigazzjoni huwa li tiddetermina jekk kienx hemm influwenza politika fil-proċess.

Fi stqarrija, l-Avukat Jean-Philippe Chetcuti saħaq li d-ditta legali dejjem ħadmet b’mod professjonali u b’mod etiku waqt li insista li qed jikkoperaw mal-awtoritajiet.

“Ma għandna l-ebda problema li niftħu l-bibien tagħna għall-iskrutinju tal-istituzzjonijiet pubbliċi. Ħalluhom jagħmlu dak li tobbligahom il-liġi,” saħaq l-Avukat.

More in Politika