Intervista: Jisħaq li l-PN għandu bżonn lil kulħadd anke lin-nies ta’ Daphne

L-ILLUM tiltaqa’ ma’ Mario de Marco. Tistaqsih dwar l-aħbar tal-HSBC, il-proposti tal-PN għall-Baġit, l-IIP, it-tieni anniversarju mill-mewt ta’ Daphne u l-futur tal-PN

Mario de Marco
Mario de Marco

Ftit qabel il-budget, il-gazzetta ILLUM iltaqgħet mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Finanzi, Mario de Marco biex titkellem miegħu dwar dak li l-Partit Nazzjonalista ppropona u qiegħed jistenna mill-Baġit u anke biex tiċċara miegħu x’inhi l-pożizzjoni tal-PN fuq diversi suġġetti.

Bdejt nistaqsi lil de Marco dwar l-aħbar ewlenija ta’ din il-ġimgħa, jiġifieri li l-bank HSBC se jagħlaq seba’ fergħat madwar Malta biex jinvesti aktar fis-sistemi bankarji diġitali. Fi stqarrija, il-PN kważi kważi tefa’ t-tort fuq il-Gvern, anke jekk l-HSBC qed jieħdu miżuri simili f’pajjiżi oħra. Ma jaħsibx li l-PN qed ikun wisq negattiv u jara kif se jitfa’ kollox fuq il-Gvern?

Mario de Marco insista li jekk wieħed jara l-istqarrija tal-Partit Nazzjonalista, l-Oppożizzjoni ma kinitx qed titkellem fuq l-HSBC biss, iżda tkellmet fuq din l-aħbar f’kuntest ta’ aħbarijiet oħra li ġraw fis-settur bankarju fl-aħħar sena.

Semma fost oħrajn, l-aħbar li l-Bank of Valletta għalqet numru ta’ kontijiet ta’ kumpaniji tal-igaming, l-aħbar li d-Deutsche Bank waqqaf ir-relazzjoni tiegħu mal-BOV, il-kwistjoni tas-Satabank, tal-Pilatus Bank u oħrajn.

“Il-problemi li l-Oppożizzjoni ilha tara fis-settur bankarju mhumiex problemi ta’ bank, iżda meta teħodhom f’kuntest kollettiv tirrealizza li mhux kollox huwa sewwa fis-settur bankarju,” insista l-kelliem.

Iżda ma kienx ikun aktar għaqli u aktar attwali kieku qabdu u tkellmu fuq l-aħbar tal-HSBC? De Marco wieġeb li l-PN kien kawt u ma riedx li jkun sensazzjonali.

“Ma ħadniex din l-aħbar f’iżolament, iżda mal-istejjer kollha fis-settur bankarju...Hemm xi ħaġa li mhux sejra tajba. Jekk trid ekonomija li tkompli tikber, trid settur bankarju li huwa qawwi, konsistenti, robust, b’saħħtu u li għandu, fuq kollox, reputazzjoni b’saħħitha,” insista d-Deputat. “Ma tistax tieħu dawn l-aħbarijiet f’iżolament.”

Fi kliemu, ma tistax ma tinkwetax li l-BOV għalaq il-kontijiet ta’ diversi kumpaniji tal-igaming. “Min huma l-banek li issa se jaqdu lil dawn il-kumpaniji?” staqsa. “Ma għandi xejn kontra li bank ikun kawt, imma llum il-ġurnata jekk titkellem mal-professjonisti minn dawn il-kumpaniji, isemmulek li sar impossibbli li jiftħu kont bankarju.”

Il-Kap Eżekuttiv tal-HSBC, Andrew Beane qal li l-aħbar mhijiex li l-HBSC se jagħlqu seba’ fergħat iżda li qed jinvesti fil-futur bankarju. Allura dan ma jwaqqax l-argument tal-Partit Nazzjonalista?

“Jekk qed jagħlaq seba’ fergħat mhux qed jinvesti. Il-fatt li se jagħmel fergħa kbira fil-kwartieri tiegħu stess huwa investiment, iżda fl-istess ħin qed jagħlaq l-investiment f’seba’ fergħat,” insista de Marco.

‘Il-PN mhux kontra l-ħaddiema barranin’

Qlibna d-diskors fuq id-dokument li l-PN ressaq bi proposti qabel il-Baġit. Id-dokument huwa sabiħ u professjonali, forsi l-aħjar wieħed li l-PN ippreżenta fl-aħħar snin. Ma’ de Marco tkellimt fuq proposti tajbin u proposti oħra li fihom, il-PN kien xi ftit jew wisq vag.

Bdejt bil-ħaddiema barranin. Id-dokument jisħaq li l-pajjiż jeħtieġ jattira ħaddiema ta’ livell għoli. Imma l-PN kif se jikkontrolla liema ħaddiema jiġu? Min se jagħmel dawk ix-xogħlijiet li l-Maltin ma jridux jagħmlu?

“Il-Partit Nazzjonalista mhuwiex kontra l-ħaddiema barranin. Li qed jgħid huwa li rridu noqogħdu attenti li ma nġibux ħaddiema barranin sempliċiment biex inkabbru l-ekonomija,” weġibna de Marco.

Jekk qed jagħlaq seba’ fergħat mhux qed jinvesti. Il-fatt li se jagħmel fergħa kbira fil-kwartieri tiegħu stess huwa investiment, iżda fl-istess ħin qed jagħlaq l-investiment f’seba’ fergħat

Kompla jispjega kif f’Malta hawn aktar minn 60,000 ħaddiem barrani, jiġifieri 28% tal-ħaddiema. Filwaqt li saħaq li fih innifsu dan mhux ħażin, insista li dan jista’ jġib konsegwenzi, aktar u aktar għax fi żmien ħames snin il-Gvern irid iġib 60,000 ħaddiem barrani ieħor.

‘Mater Dei ma jiflaħx aktar...’

“Insa l-problema tal-konġestjoni tat-traffiku, l-isptarijiet tagħna ma jifilħux. Mater Dei ġie ddisinjat għal popolazzjoni ta’ dak iż-żmien. Mater Dei diġà qed ikollu problemi,” spjega d-Deputat.

Iżda hawn waqqaftu u fakkartu li l-Mater Dei bnieh Gvern Nazzjonalista. Allura qed jgħid li l-PN ma ppjanax għall-futur? “Mhux aħna li kellna l-intenzjoni li nkabbru l-ekonomija bil-popolazzjoni. Aħna kabbarnieha billi ġibna setturi ġodda bħas-servizzi finanzjarji, l-igaming u l-avjazzjoni,” wieġeb.

Kompla jfakkar li l-għadd u l-kwalità tal-ħaddiema li qed jiġu qed ikollu effett dirett fuq l-akkomodazzjoni. “Koppja żagħżugħa Maltija, trid tikkompeti ma’ disa’ ħaddiema li jridu l-istess post,” insista de Marco.

‘Irridu npoġġu l-partiti u niftehmu fuq viżjoni ekonomika għal 20 sena’

Kien hawn li insista li l-pajjiż irid jattira barranin ta’ ċertu livell li mingħandhom il-Maltin jistgħu jitgħallmu biex għada pitgħada jkunu huma li jieħdu dawk l-impjiegi li jrendu.

“Għandna bżonn viżjoni ekonomika mhux għal sena, lanqas għal leġislatura waħda, iżda fit-tul,” saħaq id-Deputat. Kien hawn li appella biex iż-żewġ partiti jpoġġu bilqiegħda u jiftehemu fuq viżjoni ekonomika għal 20 sena, biex hekk, partit li jkun fil-Gvern, ikun qed jimplimenta din il-viżjoni.

Semma l-iskejjel, l-MCAST u l-Università u staqsa jekk dawn hux qed jippjanaw il-korsijiet tagħhom skont il-ħtiġijiet ta’ għaxar snin oħra.

“Meta aħna dħalna fl-Unjoni Ewropea kellna viżjoni ta’ fejn irridu naslu. Ridna nkabbru l-esportazzjoni, nattiraw is-servizzi finanzjarji u aktar. Ma stajniex nibqgħu niddependu fuq il-manifattura jew is-settur turistiku biss,” spjega de Marco. “Ħadd ma rrealizza li l-igaming kien se jkollu s-suċċess li kellu. Vera li ġew barranin, iżda barranin li jixtru proprjetà ta’ valur, li jieklu barra, li jmorru jixtru u allura jdawru r-rota.”

Kien għalhekk li reġa’ appella biex filwaqt li nitkellmu fuq il-barranin, nitkellmu fuqhom f’kuntest ta’ fejn irridu naslu aħna. “Ħadd mhu qed jgħid biex inwaqqfu l-barranin,” tenna.

“Imma mhux titkellmu għalxejn? In-nies x’jimpurtahom? Mhux tajjeb sejrin?” staqsejna lil de Marco. “L-ekonomiji huma dejjem ċikliċi. Allaħares pajjiżna, wara li kiseb l-Indipendenza straħ biss fuq it-turiżmu jew il-manifattura,” weġibna.

‘Il-passaport tagħna ġie abbużat kontra l-interess ta’ pajjiżna’

Kien hawn li semma l-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment u staqsa fejn hi l-attività ekonomika li din qed toħloq. Semma wkoll il-blockchain u saħaq li sena wara, suċċessi ma hemm kważi xejn.

Waqqaftu ftit mid-dokument biex nistaqsih fuq il-Programm tal-IIP. Staqsejtu fejn hu l-Partit Nazzjonalista fuq dan is-suġġett. L-ewwel qal li kontra, imbagħad qal li jżommu imma jemendah u issa qed jerġa’ jappella lill-Gvern biex iwaqqfu. Xi jrid eżatt?

“Il-Partit Nazzjonalista mill-ewwel ġurnata kien kontra l-bejgħ taċ-ċittadinanza,” wieġeb minnufih, iżda fakkartu mill-ewwel li Simon Busuttil kien qal li se jżommu. “Imma b’ċertu riżervi,” kompla jweġibna.

Il-mument li ssir dipendenti mill-bejgħ taċ-ċittadinanza, allura se jkollok pressjoni qawwija biex tbigħ aktar u dan huwa kontra l-interess tagħna stess

Insista li fl-aħħar ġimgħat ħareġ ċar li l-biżgħat li kellu l-Partit Nazzjonalista saru realtà. “Rajna persuni li akkwistaw iċ-ċittadinanza Maltija u ġew akkużati b’akkużi serji ta’ ħasil ta’ flus. Rajna li l-passaport tagħna ma ġiex użat għall-ġid tal-pajjiż, iżda ġie abbużat kontra l-interess ta’ pajjiżna,” insista de Marco, waqt li fakkar fl-aħħar allegazzjonijiet kontra d-ditta legali Chetcuti Cauchi.

“Il-Gvern qed jibbilanċja l-kotba ta’ pajjiżna bis-saħħa tal-flus li ġejjin mill-bejgħ taċ-ċittadinanza. Irridu nibbilanċjaw il-kotba ta’ pajjiżna mill-bejgħ tal-passaporti? Il-mument li ssir dipendenti mill-bejgħ taċ-ċittadinanza, allura se jkollok pressjoni qawwija biex tbigħ aktar u dan huwa kontra l-interess tagħna stess,” saħaq id-Deputat.

Min iħaddem kif laqa’ l-proposti dwar is-sick leave u s-sahra?

Lura għad-dokument, il-PN għandu proposti interessanti għall-ħaddiema, fosthom biex is-sick leave li ma ntużax fl-aħħar sitt snin jinġema’ f’każ li impjegat ikollu jużah minħabba mard serju u anke biex it-taxxa fuq il-part time u s-sahra tonqos minn 15% għal 10%. Proposti eċċellenti. Iżda min iħaddem jaqbel magħhom jew qabdu u fajru l-proposti?

Mario de Marco wieġeb li tkellmu dwar dawn il-proposti, inkluż mal-Kamra tal-Kummerċ li taqbel ħafna mal-proposta ta’ rata ta’ taxxa ta’ 10% għall-part time u s-sahra. Fi kliemu dawn mhu se jnaqqsu xejn lill-impjegatur anzi se jinċentivaw aktar lill-ħaddiema biex jaħdmu.

Dwar il-proposta fuq is-sick leave ammetta li l-impjegaturi kellhom xi ftit jew wisq tar-riżervi, anke minħabba biża’ li l-ħaddiem jabbuża mis-sick leave. Madanakollu, de Marco qal li ftit ftit qed jifhmu li din il-proposta qiegħda hemm għal min ma abbużax mis-sick leave.

‘Biex tindirizza l-isfidi tal-għalliema trid tammetti li hemm problema’

L-edukazzjoni. Nisimgħu ħafna fuq nuqqas ta’ għalliema u sfidi fl-iskejjel iżda l-PN kien ftit vag fil-proposti tiegħu. Xi jrid eżatt il-PN?

De Marco appella biex l-ewwel u qabel kollox il-Gvern ikun viċin l-istituzzjonijiet edukattivi, waqt li insista li n-nuqqas ta’ għalliema mhuwiex sfida li bdiet ilbieraħ.

“Il-Gvern qed jiċħad li hawn nuqqas ta’ għalliema. Mhijiex realtà,” qal de Marco. “Irridu ninvestu aktar fil-faċilitajiet edukattivi u fir-riżorsi edukattivi.”

“Iżda faċli tgħid li se tinvesti. Konkretament x’qed toffru?”, staqsejtu. “Jien ma nistax ngħid se nalloka €10 miljun jew €20 miljun għax inkun prużuntuż... l-ewwel u qabel xejn trid tkun konxju tal-problema. Il-Gvern mhuwiex konxju.”

Il-PN u d-drittijiet solari. X’qed jipproponi?

Fost l-aqwa proposti li għamel il-PN huma dawk ambjentali, fosthom miżuri għal dawk li l-istallazzjonijiet tagħhom, bħal panelli, jispiċċaw ikkundannati għad-dell kontinwu ta’ bini għoli. Staqsejt lil de Marco x’inhuma eżatt dawn il-miżuri.

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni saħaq li mhux qed jipproponu xi ħaġa ġdida. Barra minn Malta jeżisti kunċett ta’ drittijiet solari fejn persuna jkollha dritt għal kumpensi jekk id-dar tagħha tispiċċa f’dell assolut. F’Malta dan il-kunċett ma jeżistix.

“Ejja naraw x’għamlu barra minn Malta biex daħlu u pproteġew dawn id-drittijiet,” saħaq de Marco.

‘Wasal iż-żmien għal diskussjoni serja fuq it-trasport tal-massa’

Il-Partit Nazzjonalista baqa’ konsistenti fuq il-proġett ta’ trasport tal-massa. Ippropona dan qabel l-elezzjoni u baqa’ jinsisti dwaru. Il-PN lest jerġa’ jpoġġi għad-diskussjoni proposta konkreta, studjata, bid-dettalji kollha, inkluż bil-costings?

De Marco saħaq li l-Gvern bħalissa qed jinvesti €700 miljun fit-toroq. Fi kliemu, meta jkun lest, il-problema tat-traffiku se tibqa’ hemm, għax il-karozzi qed jibqgħu jiżdiedu.

“Wasal iż-żmien li nagħmlu diskussjoni serja” insista de Marco. “Jekk qed ninvestu €700 miljun fit-twessigħ tat-toroq, wasal iż-żmien li nagħmlu investiment simili f’xi ħaġa li vera ssolvi l-problema.”

Mistoqsi jekk il-PN hux ċert li trasport tal-massa jista’ jseħħ, de Marco pront wieġeb “iva.”

Mhux għalxejn tipproponu? Tliftu l-fiduċja...

Qlibna ftit id-diskors. Staqsejt lil de Marco jibżax li minħabba l-inkwiet intern fil-PN, dokument bħal dan, anke jekk tajjeb, in-nies lanqas biss jikkunsidrawh, għax il-PN tilef il-kredibbilità kollha u kważi kważi sar irrilevanti.

“Hija l-akbar sfida tagħna. Irridu nkunu realistiċi. Irridu nibdew nirbħu l-kredibbilità tagħna man-nies. Dokument bħal dan jista’ jkun l-ewwel pass,” insista de Marco.

Meta ħareġ dan id-dokument, il-PN enfasizza ħafna li fuqu ħadmu d-Deputati kollha. Komplejt nistaqsih jekk dan għamluhx biex jagħtu l-impressjoni li f’daqqa waħda, fil-Grupp Parlamentari kollox ward u żahar.

“Il-ħidma mexxejtha jiena. Nassigurak li kelli l-kontribuzzjoni ta’ kulħadd,” insista.

Il-PN kif se jirbaħ lura lin-nies ta’ Daphne?

Nhar l-Erbgħa jaħbat it-tieni anniversarju mill-qtil ta’ Caruana Galizia. Tkellimt ma’ de Marco dwar il-fatt li kemm ilu Adrian Delia Kap, il-PN tilef lil dawk in-nies “ta’ Daphne.”

Din il-ġimgħa, anke missier Caruana Galizia akkuża lill-PN b’opportuniżmu għax organizza quddiesa u attività biex ifakkar lill-ġurnalista. Il-PN jista’ jirbaħ lura l-fiduċja ta’ dawn in-nies? Mingħajrhom jista’ jirbaħ elezzjoni?

“Il-PN għandu bżonn lil kulħadd. Naħseb li hija l-akbar sfida li qed jiffaċja l-Partit Nazzjonalista,” saħaq de Marco aktar minn darba.

Fi kliemu, minħabba dak li għaddew minnu, wieħed jista’ jifhem il-weġgħat tal-familja u l-ħbieb ta’ Daphne meta dawn jesprimu l-fehmiet tagħhom.

“Il-PN għandu jkun sensittiv għal dawn il-weġgħat iżda ma jistax jibqa’ lura minn dak li jemmen fih, fosthom il-libertà tal-espressjoni,” insista d-Deputat.

Jekk tridu tirbħu l-fiduċja lura, ma taħsibx li tridu wċuh ġodda?

Tkellem ħafna dwar il-bżonn li l-PN jikseb lura l-fiduċja tan-nies. Staqsejtu jekk wasalx iż-żmien li l-PN, biex jikseb lura l-fiduċja tan-nies, ikollu uċuh ġodda, anke fil-Grupp Parlamentari u mhux jibqa’ bl-istess nies li fl-2013 qalgħu l-akbar tkaxkira f’elezzjoni ġenerali.

Fis-snin disgħin ħadd ma kien jemmen li l-Labour se jirrinova lilu nnifsu kif għamel. Niftakar li meta tilef l-elezzjoni tal-2008, kien hemm min beda jkanta ‘spiċċa l-Labour

Skont de Marco, il-maġġoranza tad-Deputati Nazzjonalisti huma wċuh ġodda.

“Nemmen li l-ħajja hija ċikli. Anke l-politika. Iċ-ċikli jservu biex partiti jirrinovaw lilhom infushom,” kompla jisħaq. “Fis-snin disgħin ħadd ma kien jemmen li l-Labour se jirrinova lilu nnifsu kif għamel. Niftakar li meta tilef l-elezzjoni tal-2008, kien hemm min beda jkanta ‘spiċċa l-Labour’.”

Il-PN, b’Adrian Delia jista’ qatt jirbaħ elezzjoni?

Staqsejtu jekk sinċerament jemminx li l-PN jista’ jerġa’ jkun fil-Gvern u mhux beda t-triq tad-diżintegrazzjoni.

“Il-PN se jerġa’ jkun fil-Gvern,” wieġeb bla tlaqliq. “Anke b’Adrian Delia?” staqsejtu. Ma weġibx direttament. Qal biss li ġimgħa fil-politika hija twila.

“Ejjew nitgħallmu miż-żminijiet li qegħdin fihom. Titgħallem mit-tbatija mhux mill-ġid. Irridu nkunu umli biżżejjed biex nitgħallmu u intelliġenti biex nimplimentaw dak li nitgħallmu,” temm jgħid de Marco. “Minn din is-sitwazzjoni li ninsabu fiha se nitgħallmu biex inkunu aktar b’saħħitna.”

More in Politika