Aġġornata | 'Mizzi, Scicluna u Cardona ma jridux li l-poplu jkun jaf il-verità dwar Egrant' jisħaq Delia

Delia jgħid li se jibqa' jaħdem sabiex il-Poplu Malti u Għawdxi jkun jaf il-verità kollha

Waqt konferenza stampa l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia sostna li, "r-rikors imressaq mill-Ministri Edward Scicluna, Chris Cardona u  Konrad Mizzi hu prova ċara li t-tliet ministri tal-Gvern iridu li jżommu informazzjoni mir-rapport Egrant mistura filwaqt li l-esponenti tal-Gvern, inkluż huma għandhom aċċess għar-rapport."

Żied jgħid li "fl-istess waqt l-Avukat Ġenerali li l-kawża oriġinali hija kontrih, qed jerġa' jilbes żewġt ikpiepel biex jiddefendi lill-Ministru tal-Gvern li jridu jaħbu l-verità mill-poplu Malti."

Delia qal li jgħidu x'jgħidu t-tliet Ministri, skontu il-punt jibqa' wieħed ċar, "li huma iċċittaw parti mill-inkjesta Egrant, liema silta ma tinstabx fil-konklużjonijiet ippubblikati mill-Avukat Ġenerali għal konsum tal-pubbliku."

Il-Kap tal-PN qal li huwa inutli li x-xhieda rikorrenti jippruvaw jinħbew wara drittijiet li huma qegħdin jgħidu li għandhom fl-atti tal-inkjesta. Żied jgħid li, "dan l-iżvilupp juri li l-unika impożizzjoni milli jkollu aċċess għar-rapport Egrant kienet fuq il-Kap tal-Partit Nazzjonalista u Kap tal-Oppożizzjoni u l-kumplament tal-poplu Malti u Għawdxi."

Fl-aħħar nett huwa żied li l-PN se, "jkompli jaħdem biex il-poplu Malti u Għawdxi jkun jaf il-verità kollha u allura dak li għal xi skop jew ieħor, li jaf hu biss, irid jaħbi l-Gvern."

 

More in Politika