‘Aħna l-esperti tal-baħar’ – Sajjieda jilmentaw li Herrera ma kkonsultahomx dwar ir-reklamazzjoni

Is-Segretarju tal-Koperattiva Nazzjonali tas-Sajd jisħaq mal-ILLUM li ma jagħmilx sens li l-Kabinett jiddiskuti r-reklamazzjoni qabel ma tinstema’ l-opinjoni tas-sajjieda

Il-Ministru Herrera
Il-Ministru Herrera

Is-Segretarju tal-Koperattiva Nazzjonali tas-Sajd, Jason Grixti, ilmenta mal-gazzetta ILLUM kif minkejja li l-Ministru għall-Ambjent, l-Iżvilupp Sostenibbli u t-Tibdil fil-Klima, José Herrera, qal li l-Kabinett dalwaqt se jkun qed jiddiskuti r-reklamazzjoni, is-sajjieda għadhom qatt ma ġew ikkonsultati.

‘Ilhom tliet snin jitkellmu fuq ir-reklamazzjoni u sa issa ħadd qatt ma tkellem magħna biex jisma’ x’għandna xi ngħidu,” saħaq is-Segretarju tal-Koperattiva.

Fis-16 ta’ Settembru li għadda, meta kien mistoqsi mill-ġurnalisti, il-Ministru Herrera saħaq kif fil-jiem ta’ wara, l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi kellha tgħaddilu l-aħħar preżentazzjoni dwar is-siti indikati li fihom tista’ ssir ir-reklamazzjoni tal-art.

Herrera kien saħaq li “fil-ġimgħat li ġejjin,” dan is-suġġett kellu jkun diskuss waqt il-laqgħa tal-Kabinett.

Grixti insista mal-gazzetta ILLUM li minkejja li s-sajjieda huma l-istakeholders prinċipali f’din il-kwistjoni, il-Ministru Herrera qed jinjora s-sejħa biex jiltaqa’ magħhom biex mhux biss jispjegawlu t-tħassib tagħhom, iżda anke joffrulu proposti.

“Bgħatna email lill-Ministru Herrera. Weġibna biss li qed jagħmlu diskussjonijiet. X’diskussjonijiet? Lilna ħadd ma kellimna,” insista magħna s-sajjied.

Qalilna wkoll kif sa din il-ġimgħa stess kellhom żewġ laqgħat skedati, waħda mal-Bord tas-Sajd u oħra mad-Dipartiment tas-Sajd u l-Akkwakultura, liema żewġ laqgħat tħassru fl-aħħar ħin. 

L-ILLUM staqsiet minnufih lil Grixti x’inhi l-pożizzjoni tal-Koperattiva Nazzjonali tas-Sajd dwar ir-reklamazzjoni. It-tweġiba tiegħu kienet diretta u ċara. 

“Aħna kontra r-reklamazzjoni mal-kosta kollha,” insista s-Segretarju. “Il-kosta tagħna hija kollha kemm hi sinjura, aktar u aktar fejn qed jgħidu li jridu jordmu.”

‘L-għajxien tagħna mill-baħar’

Iżda s-sajjieda professjonali mhux ‘il barra jistadu? Ir-reklamazzjoni tal-art x’differenza tista’ tagħmlilhom? Jason Grixti saħaq li dan mhux minnu. Is-sajjieda professjonali jistadu anke mal-kosta u fil-baxx, ma hemmx għalfejn joħorġu bejn sema u ilma.

Fil-fatt, huwa wera t-tħassib tiegħu li r-reklamazzjoni mal-kosta jista’ jkollha impatt negattiv ħafna fuq is-sajd tradizzjonali, li ma jseħħx aktar minn 30 metru ’l barra mill-Kosta. Dan jinkludi sajd bil-parit, li jintuża fost oħrajn għall-qarnit.

Jason Grixti
Jason Grixti

Fi kliem Grixti, hemm ħut li huwa importanti u li ma ssibux aktar minn 30 metru ’l barra mill-kosta.

“Din is-sena kellna staġun ħażin tal-lampuki. L-għajxien tagħna mill-baħar. Jiena qbadt 110 kilo sargi minn fejn iridu jordmu, jiġifieri fl-inħawi tax-Xgħajra,” saħaq is-sajjied waqt li insista li r-reklamazzjoni kif qed tkun proposta se jkollha impatt soċjo-ekonomiku qawwi.

‘Fejn iridu jordmu huwa l-aqwa post għat-trobbija tal-ħut’

Apparti minn hekk, Jason Grixti, kompla jinsisti mal-ILLUM li ħadd, jew inkella ftit qed jitkellmu fuq il-kwistjoni ambjentali u ta’ sostennibbilità minkejja li huma marbuta intrinsikament mar-reklamazzjoni tal-art mal-kosta.

Fi kliem Grixti, il-kosta, partikolarment l-inħawi li qed jissemmew għar-reklamazzjoni, huma mimli posidonja (alka), li hija importanti ħafna biex il-ħut ikun jista’ jbid. 

“Fejn iridu jordmu huwa l-aqwa post għat-trobbija tal-ħut,” insista s-Segretarju tal-Koperattiva.

Kien hawn li reġa’ insista li ma jagħmilx sens li l-Ministru jtella’ kwistjoni bħal din quddiem il-Kabinett mingħajr ma jikkonsultahom.

“Aħna ambjentalisti. Aħna l-esperti tal-baħar,” kompla jisħaq Grixti.

‘Aħna l-qiegħ nibżgħu għalih ... dawn iridu jeqirduh’

Fi kliemu, anke jekk is-sajjieda ġieli jiġu kkritikati u akkużati b’sajd żejjed ’il fuq mill-kwoti, insista li r-reklamazzjoni mal-kosta hija ħafna agħar.

“Jien immur naqbad kaxxa ħut, forsi naqbad il-ħut kollu li jkun hemm dakinhar, imma s-sena ta’ wara se mmur u nerġa’ nsib, għax il-ħut se jerġa’ jiġi u se jerġa’ jbid,” spjega Grixti.

Kompla jgħid b’passjoni li s-sajjieda jieħdu l-ħuta, iżda l-baħar u l-qiegħ ma jmissuhx, l-istess kif bidwi li jrid jaqla’ l-għajxien tiegħu mill-għalqa mhu se jagħmel xejn biex jeqred il-ħamrija.

“Aħna l-qiegħ nibżgħu għalih u nħalluh kif inhu,” insista Grixti. “Dawn iridu jeqirdu l-qiegħ tal-baħar.”

Fejn qed jipproponu li jintrema l-iskart tal-kostruzzjoni?

Iżda huwa sigriet magħruf li l-pajjiż għandu problema serja dwar ir-rimi tal-iskart tal-kostruzzjoni. Il-Koperattiva għandha proposti? Jew qed tipproponi li jieqaf l-iżvilupp?

Jason Grixti saħaq illi li kieku jkollhom laqgħa mal-Ministru huma għandhom proposti, għax fi kliemu, ħadd mill-Koperattiva mhu qed jippretendi li jieqaf l-iżvilupp.

Spjega li jeżisti baħar, li fi kliemu jinsab fin-Nofsinhar il-Lbiċ, ’il barra mill-Filfla, li s-sajjieda jsejħulu l-baħar mejjet. 

Fi kliemu, ftit li xejn issib ħut f’din iż-żona, tant li s-sajjieda ma joħorġux jistadu fiha.

“L-iskart tal-kostruzzjoni jista’ jintrema hemm. La se jkollu effett fuq l-impatt ambjentali u lanqas dak soċjo-ekonomiku,” insista Grixti

Għall-kuntrarju, reġa’ tenna s-sajjied, dik li huma jsejħulha bħala ‘hard-bank’ jiġifieri fin-naħa tal-Grigal tal-pajjiż, hija importanti, tinħadem ħafna u mhux biss mis-sajjieda tal-lum, iżda anke mis-sajjieda tal-imgħoddi.

Iżda din ir-reklamazzjoni fejn se ssir?

Sa issa għad ma hemm xejn ċert, iżda f’Diċembru tas-sena li għaddiet, il-gazzetta MaltaToday kienet żvelat kif l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi qed tħares lejn il-kosta ta’ bejn ix-Xgħajra u Portomaso għal proġetti fuq skala kbira u anke siti oħra, mal-kosta fuq in-naħa ta’ fuq tal-pajjiż, fosthom Qalet Marku f’Baħar iċ-Ċagħaq, għal proġetti iżgħar.

Fil-fatt, mal-ILLUM, is-sajjied Jason Grixti saħaq kif ħafna mis-siti li qed jissemmew jinsabu f’żoni marittimi protetti. 

“Lanqas tafu x’qed tagħmlu!” temm jgħid Grixti kważi kważi b’rabja. 

Kif wasalna sa hawn u x’qed jingħad?

Lura fl-2013, il-Gvern kien ħatar bord għall-evalwazzjoni tal-proposti għar-reklamazzjoni tal-art, iżda fl-aħħar snin ftit issemma dwarha, sakemm is-sena li għaddiet, il-Ministru għall-Ambjent José Herrera ddikkjara li r-reklamazzjoni tal-art hija bżonn u “żgur trid issir.”

Madanakollu, Herrera insista li sakemm hu jdum Ministru għall-Ambjent, ir-reklamazzjoni mhux se ssir bi skuża għall-bini ta’ torrijiet u lukandi.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat kien semma wkoll il-mina waqt li saħaq li l-iskart tal-kostruzzjoni li se jkun iġġenerat mill-bini tal-mina bejn Malta u Għawdex jista’ jintuża għar-reklamazzjoni tal-art.

Huwa insista li din il-mina se tkun qed tiġġenera skart tal-kostruzzjoni daqs dak li jkun iġġenerat fi tliet snin u saħaq li dan ma għandux sempliċiment jintrema fil-baħar. “Din hija riżorsa u għandna nagħmlu użu minnha,” kien qal Muscat.

Il-Prim Ministru stess kien semma Baħar iċ-Ċagħaq bħala waħda miż-żoni l-aktar adwegwati, anke jekk semma diversi ostakli għal din iż-żona, fosthom minħabba l-posidonja, jew alka partikolari li hija wkoll protetta permezz ta’ liġijiet ambjentali Ewropej.

Il-MaltaToday kienet żvelat u ppubblikat rapport li juri eżerċizzju li kien sar mill-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, li jidentifika l-kosta li testendi mix-Xgħajra sa Portomaso, f’San Ġiljan, bħala ideali għar-reklamazzjoni tal-art.

Madanakollu, f’intervista mal-MaltaToday, id-Direttur tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi Michelle Piccinino kienet spjegat li, “l-Awtorità għadha għaddejja bl-ispezzjonijiet tagħha biex tidentifika l-aħjar post, u li ma hemm l-ebda deċiżjoni konklużiva fuq is-sit partikolari.

F’din l-intervista hi kienet saħqet li, “il-kosta tan-Nofsinhar hija eskluża minħabba li qiegħ il-baħar mhux ideali għar-reklamazzjoni u kif żoni viċin il-Port il-Kbir ma jistgħu qatt ikunu magħżula għar-reklamazzjoni.

Min-naħa l-oħra hi kienet qalet li, “iż-żoni kollha mal-kosta minn Marsaxlokk sat-Tramuntana ta’ Għawdex jistgħu jkunu ideali.”

L-ILLUM kitbet divers artikli dwar il-possibbilità li ssir reklamazzjoni tal-art fl-inħawi indikati fl-artiklu. Dawn huma l-opinjonijiet li ġabret l-ILLUM:

More in Politika