Il-Prim Ministru jgħid li kellu laqgħa mal-familja Caruana Galizia u l-avukati tagħhom

Adrian Delia jistaqsi jekk min-naħa tal-Gvern hux se ssir stqarrija ministerjali dwar dak irrapportat ilbieraħ minn The Sunday Times of Malta

Illejla, fil-Parlament, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li fl-aħħar jiem kellu laqgħat mal-familja Caruana Galizia u r-rappreżentanti legali tagħhom u jista' jkun li jkun hemm laqgħat oħra fil-jiem li ġejjin.

Muscat qal dan meta kien qed iwieġeb lill-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia li staqsa jekk min-naħa tal-Gvern hux se ssir stqarrija ministerjali dwar dak irrapportat ilbieraħ minn The Sunday Times of Malta dwar l-investigazzjoni fil-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.

Muscat, l-ewwel u qabel kollox, saħaq li dak li kkummenta dwaru lbieraħ id-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi ma kienx inkluż fl-artiklu.

Azzopardi insinwa li l-aħħar elezzjoni ġenerali ssejħet qabel iż-żmien, għax il-pjan biex tinqatel Daphne Caruana Galizia kien lest.

Fit-tweġiba tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat tenna dak li qal dalgħodu, jiġifieri li mhux xogħlu li jikkonferma jew jispekola fuq informazzjoni ppubblikata mill-midja.

Muscat insista li huwa ma jkunx infurmat b’dettalji dwar każi li jkunu qed jiġu investigati, ħlief meta jkun hemm żvilupp f’investigazzjonijiet ta’ importanza nazzjonali, bħal dak ta' Caruana Galizia u li l-awtoritajiet iħossu li għandhom jinfurmawh dwarhom.

Fi kliemu, kull kelma żejda li tingħad tilgħab biss f’idejn dawk il-persuni li kulħadd jixtieq li jiffaċjaw il-ġustizzja.

Min-naħa tiegħu, il-Kap Nazzjonalista insista li hu mhux se jallega jew jagħmel spekulazzjonijiet, iżda qiegħed jitlob biss serħan tal-moħħ li l-affarijiet isiru kif għandhom isiru.

“Jiena staqsejt lill-Prim Ministru biss jekk hux se jagħmel stqarrija ministerjali,” insista Delia waqt li tenna li hu ried biss assigurazzjoni, inkluż mill-Kummissarju tal-Pulizija, li l-investigazzjoni għaddejja u qed issir b’mod ġust u kif għandu jkun.

Kien hawn li Muscat reġa' qam u ħabbar li kellu laqgħat mal-familja Caruana Galizia.

Mhux magħruf x'ġie diskuss għalkemm x'aktarx li d-diskussjoni kienet dwar il-bord imwaqqaf mill-Gvern għall-inkjesta pubblika dwar il-qtil ta' Caruana Galizia.

Il-familja qed topponi li l-ħatra tal-eks Dekan tal-Fakultà tal-Liġi u espert Kostituzzjonali l-Professur Ian Refalo u l-espert forensiku Dottor Anthony Abela Medici, biex ikunu parti mill-bord.

X'kien irrapportat ilbieraħ?

Skont The Sunday Times of Malta, l-investigaturi ilhom sena jsegwu persuni suspettati bħala l-moħħ wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, inkluż 'negozjant ewlieni' iżda sa issa qatt ma ġew mistoqsija.

L-Istess rapport kien jgħid li l-Prim Ministru Joseph Muscat, iċ-Chief of Staff Keith Schembri, il-Ministru Owen Bonnici u l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar mistenni li jkunu fost ix-xhieda waqt il-ġuri li għad ma hemm l-ebda indikazzjoni meta dan mistenni jibda.

Jidher li isimhom tniżżel f'lista ppreparata mill-Avukat ta' Vince Muscat, wieħed mill-irġiel akkużati bil-qtil tal-ġurnalista sentejn ilu.

More in Politika