Repubblika b'talba ġdida għal inkjesta fit-trasferiment tat-tliet sptarijiet lill-VGH

Repubblika tisħaq li 'din id-deċiżjoni ma taffettwax d-determinazzjoni tagħna fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni'

Fi stqarrija Repubblika qalet li se tagħmel talba ġdida għal inkjesta dwar it-trasferiment tat-tliet sptarijiet lill-Kumpanija VGH.

Ilbieraħ il-Qorti tal-Appell irrevokat is-sentenza tal-ewwel Qorti u ddeċidiet li m’hemm ebda bażi għal investigazzjoni dwar it-trasferiment tat-tliet sptarijiet lill-kumpanija VGH. Il-kawża miftuħa minn Repubblika kienet talbet inkjesta biex tistabbilixxi jekk kienx hemm kompliċi kriminalment il-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi u l-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona.

Fl-istqarrija Repubblika qalet li, “l-applikazzjoni tagħna ġiet aġġornata b’aktar informazzjoni," filwaqt li qalet ukoll li tinsab mħassba dwar id-deċiżjoni tal-Qorti tal-Appell.

“L-imħallef qal li l-investigazzjonijiet minn ġurnalisti mhumiex bażi xierqa biex tibda inkjesta, aħna ma naqblux,” irrimarkat Reppublika.

Żiedet tgħid li f’kull demokrazija xogħol il-ġurnalist huwa indispensabbli għall-funzjoni tas-saltna tad-dritt. “Il-ġurnaliżmu investigattiv jippubblika dak li l-istituzzjonijiet jonqsu milli jagħmlu u jġiegħel l-istess istituzzjonijiet jagħmlu tajjeb għan-nuqqasijiet tagħhom,” saħqet Repubblika.

Fl-aħħar nett Repubblika qalet li, “din id-deċiżjoni ma taffettwax d-determinazzjoni tagħna fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni.”

More in Politika