L-Alleanza Kontra l-Faqar tisħaq li l-paga minima ma żdiedet xejn

Tappella lill-Gvern biex il-proposti tal-baġit ma jibqgħux one size fits all, imma jiffukaw aktar fuq sezzjonijiet żvantaġġati tal-popolazzjoni

L-Alleanza Kontra l-Faqar (AKF) qed tappella lill-Gvern biex il-proposti ma jibqgħux ta’ one size fits all għax, fi kliemha huwa ċar li dawk l-aktar li jbatu minn dawn il-miżuri huma dawk li għandhom dħul baxx.

Hemm bżonn li l-miżuri tal-Gvern jibdew jiffukaw aktar fuq sezzjonijiet żvantaġġati tal-popolazzjoni, sabiex ikollna ekonomija inklużiva, saħqet l-Alleanza.

Għalhekk, fost il-proposti tagħha għall-Baġit, l-Alleanza Kontra l-Faqar saħqet li wasal iż-żmien li l-Gvern għandu jieħu bis-serjetà miżuri politiċi biex jinħoloq il-Living Income. 

L-alleanza saħqet li ż-żidiet li saru sa issa fil-pagi u l-benefiċċji mhumiex biżżejjed biex iwieġbu għall-bżonnijiet ta’ min hu bi dħul baxx ħalli jirnexxilu jgħix ħajja diċenti.

“Għalkemm sar aġġustament għal min jitħallas bil-paga minima, sfurtunatament imma l-paga minima ma żdiedet b’xejn. L-AKF tħoss li wasal iż-żmien li nibdew naħdmu biex indaħħlu l-Living Income u li s-suġġett jitla’ fuq platforms nazzjonali,” insistiet l-Alleanza.

Fi kliemha, il-Living Income m’għandux ikun maħsub biss biex iżid id-dħul imma biex isaħħaħ is-saħħa tax-xiri (purchasing power) tal-individwu. 

“Jekk filwaqt li jiżdied id-dħul, il-prezzijiet jogħlew b’rata akbar, is-saħħa tax-xiri tal-individwu jonqos u mhux jiżdied,” insistiet l-Alleanza.

Ir-rati tal-inflazzjoni għandha tkun ikkalkulata għal kategoriji ta’ gruppi soċjali differenti

Għalhekk, qed tipproponi wkoll li l-Gvern jikkalkula rati ta’ inflazzjoni għal kategoriji ta’ gruppi soċjali differenti. 

“Il-mod kif qed tiġi ikkalkulata l-COLA, b’rata waħda għal kulħadd, hi l-aktar inġusta ma’ min għandu dħul baxx,” insistiet l-Alleanza.

'Reviżjoni serja tal-bżonnijiet mediċi tal-pensjonanti'

Appellat ukoll biex ikun hemm “reviżjoni serja” tal-bżonnijiet mediċi tal-pensjonanti u reviżjoni tal-pensjonijiet. 

“Il-pensjonanti bi dħul baxx qed jonqsilhom il-livell t’għajxien sena wara sena, minħabba li l-aġġustamenti tal-pensjonijiet mhux qed jagħmlu tajjeb għall-għoli tal-ħajja hekk kif tolqot lilhom,” insistiet l-Alleanza.

Għal sena oħra, qed tipproponi wkoll li t-tfal li jgħixu f’ambjent prekarju u mhux dinjituż għax l-omm ma tkunx taħdem minħabba stil jew kundizzjoni tal-ħajja, kunu jistgħu jmorru fiċ-childcare centres blaħlas.

More in Politika