Heritage Malta se tiftaħ il-mużewijiet u l-wirjiet bla ħlas waqt in-Notte Bianca

Heritage Malta se ttella' wirja f'Kastilja li wkoll se tkun bla ħlas

Nhar is-Sibt li ġej, waqt iċ-ċelebrazzjonijiet tan-Notte Bianca, Heritage Malta se tkun qed tiftaħ il-mużewijiet u l-wirjiet kollha tagħha bla ħlas.

Matul Notte Bianca l-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, l-Armerija fil-Palazz tal-Gran Mastru u Forti Sant’Iermu se jibqgħu miftuħin sa nofs il-lejl, bl-aħħar dħul fil-11.30pm, filwaqt li MUŻA se jibqa’ miftuħ sas-1.00am, l-aħħar dħul fin-12.30am. 

Heritage Malta, bil-kollaborazzjoni mal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, se tkun qed ittella’ l-wirja ‘Dak li writna – u dak li se nħallu warajna’ fil-Berġa ta’ Kastilja. 

Il-viżitaturi jistgħu jżuru b’xejn ukoll il-wirjiet ‘Ta’ Ġawhar Tower – Gold, Bread and Fire’ u ‘Culhat Al Belt – Sette Giugno 1919’ esebiti fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija. 

Is-siti ta’ Heritage Malta se jkunu qegħdin jospitaw ukoll attivitajiet oħrajn li jifformaw parti mill-programm ta’ attivitajiet ta’ Notte Bianca. 

Dawn jinkludu mużika klassika bil-kitarra ‘FourTe’, id-duo ‘Fed & Emm’, kunċert vokali ‘Of gypsy moves and fiddler tunes’, u cabaret show fil-MUŻA. 

Fil-Forti Sant’Iermu se jsiru eżekuzzjonijiet ta’ talent taċ-ċirklu ‘Los Galidnos’ u ‘Notte Fatatini’, u se jospita wkoll avveniment multikulturali. Dan tal-aħħar huwa organizzat mill-Funds and Programmes Division fis-Segretarjat Parlamentari tal-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali, MEAE, bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-25 sena mill-għotjiet finanzjarji tal-EEA. 

Fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, se jkun hemm mużika klassika, ‘Scrolls in the Museum’ u ‘Journey through a romantic landscape’. 

More in Politika