‘Għandhom jiġu studjati inċentivi biex jgħinu koppji u individwi li jixtiequ jgħixu l-Belt’

Fid-dawl tal-fatt li l-popolazzjoni fil-Belt Valletta kulma jmur qed tonqos, il-Kunsillier Mark Spiteri Lucas jipproponi studji dwar inċentivi li jistgħu jgħinu biex il-Belt Valletta ma tibqax titbattal mir-residenti

Il-Kunsillier Belti Mark Spiteri Lucas, qiegħed jipproponi li jiġu studjati inċentivi li  jistgħu jgħinu koppji, familji jew inkella individwi li jixtiequ jixtru proprjetà fil-Belt Valletta għal skopijiet residenzjali.

F’kummenti mal-gazzetta ILLUM, il-kunsillier saħaq li għamel din il-proposta għax huwa fatt li l-popolazzjoni tal-Belt Valletta kulma jmur qed tonqos. Fi kliemu, din is-sitwazzjoni hija waħda “allarmanti” u għalhekk appella biex tiġi indirizzata kemm jista’ jkun malajr.

“Jekk se noqtlu ż-żoni residenzjali, se nkunu qed noqtlu l-qalb u l-pulmun tal-Belt Valletta,” saħaq Spiteri Lucas waqt li insista li t-tnaqqis fil-popolazzjoni qed iħalli impatt fuq l-aspett soċjali tal-Belt Kapitali.

Jidher li Spiteri Lucas ressaq din il-proposta quddiem il-Kunsill Lokali Belti wara li l-ewwel Sindku tal-Belt Valletta, Hector Bruno, waqqaf grupp fuq Facebook bil-għan li tittieħed azzjoni immedjata u tiġi salvata l-parroċċa ta’ San Pawl Nawfragu.

F’dan il-grupp, SOS Parroċċa San Pawl Valletta, Bruno qiegħed jappella għall-għajnuna, biex fi kliemu, tkun salvata din il-parroċċa, li t-tnaqqis fil-popolazzjoni tal-Belt Valletta jidher li qiegħed jaffettwaha sewwa.

Biex nieħdu ftit idea tas-sitwazzjoni, fuq il-grupp, Hector Bruno spjega kif din is-sena, fil-Parroċċa ta’ San Pawl kien hemm sebat itfal biss li għamlu l-Ewwel Tqarbina u tmienja biss li għamlu l-Griżma, uħud minnhom lanqas biss joqogħdu l-Belt.

“Il-Mużew tas-subien magħluq u l-Mużew tal-bniet jiftaħ għal ftit,” kiteb Hector Bruno biex jinsisti dwar kif qed titnaqqar il-popolazzjoni Beltija.

Fil-parroċċa ta’ Santu Wistin kien hemm 11 għall-Praċett u 18 għall-Griżma u fil-Parroċċa ta’ San Duminku kien hemm 17-il tifel u tifla li għamlu l-Praċett u 24 li għamlu l-Griżma.

Mark Spiteri Lucas
Mark Spiteri Lucas

‘Il-Belt ġiet ikkumerċjalizzata ... forsi wisq’

Anke jekk Spiteri Lucas kien ispirat minn dan il-grupp biex iqajjem id-diskussjoni dwar it-tnaqqis fil-popolazzjoni residenzjali tal-Belt Valletta, mal-ILLUM huwa insista li kien qiegħed jitkellem mhux f’isem parroċċa waħda, iżda f’isem il-Beltin kollha kemm huma, għax fi kliemu, din hija realtà tal-Belt kollha.

Mal-ILLUM, Spiteri Lucas saħaq li hemm ħafna raġunijiet li qed iwasslu diversi koppji żgħażagħ u oħrajn biex joħorġu mill-Belt Valletta jew inkella lanqas biss tgħaddilhom minn rashom li jfittxu post fil-Belt.

Fi kliemu, fl-aħħar snin, il-Belt Valletta ġiet ikkumerċjalizzata, xi drabi ftit iżżejjed ukoll. Minħabba f’hekk, kompla jisħaq il-kunsillier, il-proprjetà fil-Belt Valletta qed tinbiegħ b’rati kummerċjali, li ħafna, partikolarment koppji żgħażagħ, ma jifilħux iħallsu.

“Jiena fittixt u rajt qabel tkellimt. Appartament ta’ tlett ikmamar jibda minn €350,000,” spjega Spiteri Lucas. “Ħafna mhux se jaslu biex iħallsu dak l-ammont, apparti li ħafna drabi tkun trid toħroġ iktar flus biex tirranġa l-post.”

Apparti l-proprjetà għolja, ħafna koppji, anke kbar fl-età, ħarġu mill-Belt Valletta għax qablilhom ibigħu l-proprjetà għax minnha qalgħu kemxa mhux ħażin.

Semma wkoll realtà oħra li l-gazzetta ILLUM kemm-il darba rrapportat dwarha, jiġifieri sidien tal-kera li għollew il-kera jew inkella ma ġeddewx kuntratt biex jieħdu lura l-proprjetajiet tagħhom, uħud minnhom biex ibigħu lil xi investitur li jrid ibiddel il-blokka ta’ appartamenti f’boutique hotel, li fil-Belt qed ifaqqsu.

“Kien hemm sidien li offrew somom lill-inkwilini biex joħorġu. Għall-bidu dehru biżżejjed, iżda meta dawn ġew biex jixtru xi mkien ieħor, indunaw li ma kellhom xejn,” insista Spiteri Lucas.

‘Hemm bżonn jinħoloq bilanċ ... in-nies jagħmlu l-lokal’

Filwaqt li faħħar l-investiment li wettqu diversi negozji u investituri fil-Belt Valletta, il-Kunsillier kompla jappella fuq il-bżonn li jinħoloq bilanċ. 

Faħħar il-fatt li llum il-Belt Valletta ma għadhiex il-belt li torqod mas-sebgħa ta’ filgħaxija, iżda fakkar kif fl-istess waqt li n-naħa ta’ fuq tal-Belt qamet fuq saqajha, iż-żoni residenzjali qed jitbattlu.

“Nemmen li jeħtieġ jinħoloq bilanċ kemm jista’ jkun malajr,” insista l-Kunsillier. “Irridu nifhmu li huma n-nies li jagħmlu l-lokal.”

‘Bil-proposta tiegħi ridt li nqanqal diskussjoni urġenti’

Kien hawn li tkellimna aktar fid-dettall dwar il-proposta li huwa ressaq quddiem il-Kunsill Lokali Belti. Staqsejnieh jekk jagħmilx sens li jkun hemm inċentivi li japplikaw għal lokalità waħda u mhux għall-oħra. 

“Il-proposta tiegħi tista’ tkun valida u tista’ ma tkunx. Dan huwa punt li għad irid jiġi studjat. Bil-proposta tiegħi jiena ridt inqanqal diskussjoni. Minnha jistgħu joħorġu friegħi oħra,” wieġeb Spiteri Lucas, waqt li fakkar ukoll li l-Belt Valletta għandha realtajiet differenti ħafna minn lokalitajiet oħra.

L-appell tiegħu hu li tibda diskussjoni mal-istakeholders kollha, inkluż mad-Deputati Beltin, bil-għan li jinħoloq minnha xi ħaġa konkreta li tista’ ssalva l-popolazzjoni tal-Belt Valletta.

“L-iskop tiegħi hu li nqanqal diskussjoni. Tajjeb li jkollna Belt mimlija attivitajiet, iżda rridu nifhmu li huma n-nies li jagħmlu l-lokal,” tenna l-kunsillier.

Fi kliemu, din il-proposta, anke jekk għad trid tinħema, tista’ sservi tal-ewwel pass biex tibda diskussjoni serja biex iż-żoni residenzjali fil-Belt Valletta ma jmutux mewta naturali.

‘Qabel l-inċentivi rridu nagħmlu mill-Belt lokalità li fiha tista’ tgħix’

Dwar din il-proposta, il-gazzetta ILLUM tkellmet mad-Deputat Belti Claudio Grech li filwaqt li saħaq li jilqa’ kull inizjattiva li tista’ ssaħħaħ il-komunità Beltija, insista li l-ewwel u qabel kollox iridu jiġu indirizzati dawk il-problemi, li fi kliemu, għamlu lill-Belt Valletta lokalità li fiha diffiċli tgħix.

Filwaqt li saħaq li jikkunsidra u jilqa’ l-proposta ta’ Mark Spiteri Lucas, insista li d-diskussjoni trid l-ewwel u qabel kollox tistabbilixxi minn fejn ġejja l-problema li qed twassal biex ħafna żgħażagħ u koppji Beltin joħorġu mill-Belt Valletta.

“In-nies qed joħorġu mill-Belt Valletta għal diversi raġunijiet. Il-prezzijiet tal-proprjetà splodew, fil-Belt għaddej żvilupp esaġerat u hemm nuqqas serju ta’ spazji miftuħa,” insista d-Deputat tal-Oppożizzjoni.

Kien għalhekk li appella biex qabel jiġu studjati inċentivi, il-Belt Valletta trid issir lokalità li fiha tista’ tgħix.

“Kif irridu l-familji jiġu jgħixu l-Belt Valletta jekk ma tistax timxi b’pushchair fuq il-bankina bl-imwejjed u s-siġġijiet?” staqsa Claudio Grech. “L-istess il-parkeġġ. Ma tistax tiġi b’xirja u tipparkja.”

Kompla jitkellem fuq l-ispazji miftuħa u saħaq li fil-Belt ma hemm imkien fejn it-tfal jistgħu jieħdu żvog.

“Illum il-Belt Valletta saret playground għal kulħadd ħlief għat-tfal tal-Belt,” insista d-Deputat waqt li tenna li qabel tinċentiva lin-nies biex jiġu jgħixu fil-Belt, trid tagħmel il-Belt post fejn wieħed jista’ jgħix.

Kien għalhekk li d-Deputat insista li qabel l-inċentivi, l-awtoritajiet għandhom jibdew jaħdmu fuq dak li jistgħu jagħmlu mil-lum stess.

“Dak li qed ngħid ma jiswa xejn. Trid biss kuraġġ,” insista Grech waqt li appella għal aktar infurzar, b’mod partikolari fejn jidħlu l-imwejjed u s-siġġijiet, appell li dwaru saħaq ukoll Spiteri Lucas.

“Irridu nibdew b’dak li nistgħu nagħmlu llum. Il-Belt irridu nagħmluha lokalità li fiha tista’ tgħix, partikolarment għall-anzjani li għadhom residenti,” temm jgħid Claudio Grech. 

Alfred Zammit
Alfred Zammit

F'20 sena l-popolazzjoni tal-Belt naqset b'7%

Min-naħa tiegħu, mal-ILLUM, is-Sindku tal-Kapitali Alfred Zammit fakkar kif tul dawn l-aħħar għoxrin sena, il-popolazzjoni tal-Belt Valletta naqset b’madwar 7%.

Kien għalhekk li saħaq li jilqa’ kull inċentiv li jista’ jattira aktar nies biex jgħixu fil-Belt Valletta.

Dwar il-proposta tal-Kunsillier Mark Spiteri Lucas, Zammit insista li din għandha tiġi kkunsidrata biex il-popolazzjoni tal-Belt Valletta tiżdied.

Deo Debattista
Deo Debattista

'Nagħti appoġġ lil kull inizjattiva biex aktar nies jgħixu l-Belt'

L-ILLUM għamlet ukoll kuntatt ma’ Deo Debattista, is-Segretarju Parlamentari responsabbli mis-sostenn tal-Belt Kapitali, fost oħrajn.

Mistoqsi dwar il-proposta ta’ Mark Spiteri Lucas, Debattista saħaq li ma jistax jikkummenta dwar il-proposta, kemm għax għadu ma rahiex u anke għax trid tiġi studjata.

Madanakollu saħaq li bħala Deputat Belti huwa lest li jaħdem u jagħti l-appoġġ lil kwalunkwe inizjattiva li tħeġġeġ aktar nies biex jgħixu fil-Belt Valletta.

More in Politika