‘L-irġiel għandhom jitħallew jixtru l-Morning After Pill’

Il-gazzetta ILLUM titkellem ma’ Francesca Fenech Conti, amministratriċi tal-grupp Women for Women dwar l-aħħar kontroversja li qamet dwar il-Morning After Pill 

L-amministratriċi tal-grupp Women for Women, Francesca Fenech Conti, saħqet mal-gazzetta ILLUM li ma tarax għaliex l-irġiel f’Malta ma jitħallewx jixtru l-Morning After Pill.

L-ILLUM tkellmet ma’ Fenech Conti wara li nhar il-Ħadd li għadda ħadet il-kummenti tal-ispiżjara Claire Shoemake, li hija wkoll membru fil-Kunsill tal-Kamra tal-Ispiżjara, dwar l-aħħar diskussjoni li qamet dwar il-Morning After Pill.

Shoemake insistiet li huwa fid-dmir tal-ispiżjara li jistaqsu mistoqsijiet lill-klijenti jew il-pazjenti qabel ma jbigħu kwalunkwe mediċina li tista’ tagħmel il-ħsara, inkluż il-Morning After Pill.

Propju għalhekk li Shoemake insistiet li ma taqbilx li l-irġiel jitħallew jixtru l-Morning After Pill, għax fi kliemha, l-ispiżjara jridu jkunu assigurati li din qed tingħata lil dawk in-nisa li huma eliġibbli u li jkunu assigurati li ma tagħmlilhomx ħsara. Dan apparti argumenti li din tista’ twassal għal abbuż fuq il-mara.

Fl-eżerċizzju li l-ILLUM wettqet fost 70 spiżerija, anke jekk 70% tal-ispiżjara qalulna li jbigħu l-Morning After Pill, l-ispiżjara kollha insistew li għaliha trid tmur it-tfajla jew il-mara.

Madanakollu, meta mistoqsija dwar dan, Fenech Conti saħqet bla tlaqliq li l-irġiel għandhom ikollhom id-dritt li jidħlu fi spiżerija u jixtru l-Morning After Pill.

“Għandi fiduċja fl-irġiel u bħalma nafdahom li jixtru mediċini oħra għalina u għat-tfal tagħna, ma għandux ikun hemm differenza meta jiġu biex jixtru l-Morning After Pill,” saħqet Fenech Conti.

‘L-ippjanar tal-famlija huwa dritt intrinsiku’

Ma’ Fenech Conti tkellimna wkoll dwar dak li qalet l-ispiżjara Claire Shoemake, jiġifieri li l-ebda mediċina, inkluż il-kontraċettiv orali, ma tista’ jitqies bħala dritt fundamentali ġaladarba tista’ tagħmel il-ħsara.

Min-naħa tagħha, Fenech Conti ma qablitx u kkwotat pubblikazzjoni tal-Ġnus Magħquda, maħruġa fl-2012, liema dokument bit-titlu “By Choice, Not Chance,” jisħaq dwar l-importanza tal-ippjanar tal-familja.

Francesca Fenech Conti
Francesca Fenech Conti

Dan id-dokument jisħaq li l-ippjanar tal-familja “huwa dritt intrinsiku li huwa affermat u sostnut minn diversi drittijiet oħra.”

Fakkret kif l-istess dokument jinsisti li dan huwa neċessarju kemm għall-ugwaljanza bejn il-ġeneri, l-ugwaljanza tan-nisa u, fost oħrajn, għat-tnaqqis tal-faqar.

Id-diskussjoni dwar il-Morning After Pill reġgħet qamet wara li fil-grupp li tiegħu Fenech Conti hija amministratur, kien hemm nisa li lmentaw dwar mistoqsijiet personali li ġew mistoqsija mill-ispiżjara, quddiem kulħadd, meta marru jixtru l-Morning After Pill.

‘Spiżjara għandhom jistaqsu biss mistoqsijiet li jikkonċernaw is-saħħa’

Mal-ILLUM Claire Shoemake ddefendiet id-dritt tal-ispiżjara li jistaqsu mistoqsijiet, għax fi kliemha, l-ispiżjara jridu jkunu assigurati li kwalunkwe mediċina li qed jagħtu, f’dan il-każ il-Morning After Pill, ma tkunx ta’ dannu, filwaqt li jwissu wkoll dwar il-konsegwenzi.

“Jiena ma għandi l-ebda problema li l-ispiżjara jistaqsu mistoqsijiet fl-aqwa interess tal-pazjenti tagħhom, madanakollu dan għandu jsir b’mod diskret, b’mistoqsijiet standardizzati u li jirrigwardjaw biss is-saħħa,” wieġbet Francesca Fenech Conti waqt li fakkret ukoll li l-Għaqda Dinjija għas-Saħħa tirreferi għall-kontraċettiv ta’ emerġenza bħala sigur.

Kompliet tgħid li ċertu ditti li jipproduċi l-Morning After Pill saħansitra jassiguraw li tista’ tintuża minn tfajliet żgħar li jkunu għadhom kemm beda jkollhom il-menstruwazzjoni.

‘Nisa b’piż żejjed jistgħu saħanistra jingħataw żewġ pilloli’

Irreferiet ukoll għall-eżempju li Claire Shoemake tat lill-ILLUM biex tispjega għaliex il-klijenti jitkellmu qabel tingħata l-Morning After Pill. Kienet semmiet każ ta’ mara b’piż żejjed li, skontha, il-Morning After Pill taf ma tkunx effettiva fuqha u għalhekk l-ispiżjara għandhom jispjegawlha dan biex il-pillola ma titteħidx għalxejn.

Madanakollu, Fenech Conti saħqet li kienet “sorpriża” b’dan il-kumment għax fi kliemha, nisa b’piż żejjed jistgħu saħansitra jingħataw doża ogħla jew żewġ pilloli. “Dan kien ikkonfermat ukoll fuq il-midja soċjali minn Doctors for Choice,” kompliet tisħaq.

‘Barra minn Malta spiżjara jgħinu lill-pazjenti jevitaw tqala mhux mixtieqa’

Qablet ukoll dak li fi kliemha jiġri f’Malta, ma’ dak li jiġri barra. Insistiet li fi spiżeriji barra minn Malta, l-ispiżjara jaġġixxu “fl-awqa interess tal-pazjent,” billi joffru “l-aħjar forma ta’ medikazzjoni neċessarja biex tiġi evitata tqala mhux mixtieqa.”

Konklużjoni ta’ dokument tal-WHO li kkwotat Fenech Conti
Konklużjoni ta’ dokument tal-WHO li kkwotat Fenech Conti

Bħala eżempju spjegat kif spiżjara barra minn Malta jinformaw nisa, partikolarment lil dawk in-nisa li ma jistgħux jieħdu l-Morning After Pill, li hemm metodi oħra li jistgħu jintużaw bħala kontraċettiv ta’ emerġenza u li huma effettivi, fosthom “il-copper coil.”

‘Imbilli tistaqsi? Pazjent jista’ jigdeb ... aħjar teduka’

Iżda ma waqfitx hawn lanqas. Mal-ILLUM insitiet li l-mistoqsijiet lanqas ma jassiguraw aktar protezzjoni għall-pazjent, għax fi kliemha, pazjent jista’ jigdeb lill-ispiżjara.

“Ikun aktar konstruttiv u edukattiv kieku minflok tistaqsi mistoqsijiet, l-ispiżjara jieħdu l-pazjent fil-ġenb u jieħdu l-ħin kollu meħtieġ biex jispjegaw kif għandha tittieħed il-pillola, reazzjoni li jista’ jkollha ma’ mediċina jew kundizzjonijiet mediċi oħra u anke jiddiskutu magħhom kwalunkwe effetti oħra li mara tista’ tħoss meta tuża dan il-prodott mediċinali li jinxtara mingħajr riċetta,” saħqet Fenech Conti.

Skontha, jekk din tkun il-prattika komuni, ifisser li kulħadd ikun kapaċi jixtri l-Morning After Pill wara li jkunu wrew maturità u fehmu l-konsegwenzi tagħha.

Fl-aħħar nett, Fenech Conti insistiet li din mhijiex kwistjoni ta’ min għandu raġun u min le iżda appellat biex jinħoloq kompromess biex filwaqt li jkun irrispettat id-dritt tal-ispiżjara li jirrifjutaw li jbigħu l-Morning After Pill, fl-istess waqt il-klijenti jkollhom id-dritt li jaċċessaw dan il-kontraċettiv. 

More in Politika