Għall-ewwel darba jissieħbu tliet nisa fil-Protezzjoni Ċivili

B'kollox, 129 uffiċjal ħadu l-ġurament tal-ħatra bħala Assistance and Rescue Officers

129 uffiċjal, fosthom tliet nisa, ħadu l-ġurament tal-ħatra bħala Assistance and Rescue Officers, wara li temmew b’suċċess kors intensiv ta’ 18-il ġimgħa.

Iċ-ċerimonja saret dalgħodu u għaliha attenda l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia, flimkien mad-Direttur tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili Emanuel Psaila.

Il-Ministru Michael Farrugia qal li llum qed tinkiteb l-istorja mhux biss għax dan huwa l-ikbar ingaġġ fil-Protezzjoni Ċivili f’perjodu ta’ 20 sena, imma għall-ewwel darba, tliet nisa ssieħbu fi ħdan id-dipartiment. 

Huwa saħaq li dawn in-nisa ser ikunu l-ambaxxaturi tad-dipartiment sabiex iħajru aktar nisa jissieħbu mal-Protezzjoni Ċivili.

Il-Ministru Michael Farrugia tkellem fuq il-pjan ta’ seba’ snin li ser ikun qed isaħħaħ id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili. 

Fakkar kif qed isir investiment mhux biss fit-tibdil tal-flotta tal-vetturi u tal-inġenji li jkunu mgħammra bl-aħħar teknoloġija, iżda wkoll qed isir investiment fir-riżorsi umani u fit-taħriġ li jingħataw.

Bħalissa għaddejjin desktop exercises fejn id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, flimkien mal-Korpi Dixxiplinati u dipartimenti oħrajn, qegħdin ilkoll jaħdmu flimkien biex ikunu mħarrġa għal ċirkustanzi u inċidenti li jistgħu jinqalgħu. 

More in Politika