Iż-żewġ unjins tal-għalliema jilmentaw dwar 'abbandun' fi skejjel

Il-UPE lmentat dwar klassijiet bla mwejjed u siġġijiet u l-MUT dwar klassijiet abbandunati

Iż-żewġ unjins Maltin li jirrappreżentaw lill-għalliema, ilmentaw dwar l-istat li fih jinsabu diversi skejjel, bil-Unjin għall-Għalliema Professjonali (UPE – Voice of the Workers ) saħansitra tisħaq li hemm klassijiet bla mwejjed u siġġijiet.

Fi stqarrija, il-UPE semmiet l-iskejjel St Thomas Moore, San Injazju, u l-Kulleġġ ta’ Għawdex bħala eżempju, waqt li semmiet kif fi skejjel oħra bdew xogħlijiet fis-sajf u dawn għadhom ma tlestewx.

Issemmi wkoll il-Kulleġġ ta’ Għawdex u ta’ Santa Tereża, bil-UPE tisħaq li l-ħaddiema kellhom jiffaċċjaw ammont kbir ta’ trab.

Dwar is-superviżjoni fuq it-trasport tal-iskejjel, il-UPE insistiet li l-Gvern ma offra l-ebda dettalji u saħqet li l-istudenti mhux qed jingħataw superviżjoni kif suppost u li jistgħu jinqalgħu inċidenti.

Min-naħa tagħha, l-MUT tkellmet dwar l-iskola primarja ta’ Santa Venera u akkużat lill-Gvern li filwaqt li nefaq il-miljuni biex saru l-laboratorju l-ġodda u biex jiftaħar bihom, klassijiet oħra jinsabu fi stat ta’ abbandun.

More in Politika