'Id-distakk bejn dawk li għandhom kollox u dawk li m’għandhom xejn qiegħda tikber' jisħaq Delia

Huwa spjega wkoll li n-numru ta’ persuni f’riskju ta’ faqar qiegħed jiżdied u mhux jonqos. 

Waqt konferenza stampa fejn il-PN ipreżenta l-proposti tiegħu għall-baġit illi ġej, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qal li minkejja l-istatistiċi li juru andament ekonomiku pożittiv il-pajjiż qiegħed fil-fatt, jgħix realtà differenti. 'Id-distakk bejn dawk li għandhom kollox u dawk li m’għandhom xejn qiegħda tikber', sostna Delia.

Id-dokument li ppreżenta l-PN illum jinkludi l‘ fuq minn 100 proposta differenti inkluż dawk relatati ma’ taxxa, sostenibiltà u Brexit.

“Dan id-dokument mhuwiex wieħed ta’ kritika u juri li l-Oppożizzjoni hi lesta li tagħmel il-parti tagħha sabiex issir bidla issa u mhux fil-futur,” qal Delia.

Żied jgħid li l-ekonomija m’għandiex tkun vittma tas-suċċess ekonomiku iżda inċentiv għall-iżvilupp ekonomiku sostenibbli.

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Nazzjonalista Mario de Marco nnota li d-dokument beda biex jispjega s-sitwazzjoni internazzjonali u kif din qed taffettwa lil Malta.

Huwa spjega wkoll li n-numru ta’ persuni f’riskju ta’ faqar qiegħed jiżdied u mhux jonqos. 

Fl-aħħar nett huwa nnota li waħda mill-miżuri li l-PN qiegħed jipproponi għall-baġit illi jmiss hi li l-taxxa tad-dħul fuq ix-xogħol ‘part-time’ tonqos mir-rata preżenti ta’ 15% għal dik ta 10%. Filwaqt ukoll li r-rata ta’ taxxa fuq is-sahra tkun suġġetta għar-rata fissa ta’ taxxa ta’ 10%.

More in Politika