Il-Qorti ma tilqax it-talba ta' Repubblika biex il-ħatriet tal-ġudikatura jitwaqqfu temporanjament

F'Mejju li għadda l-Qorti kienet diġa m'aċċettatx talba tal-għaqda Repubblika biex jkunux maħturin iktar Maġistrati u Imħallfin

Il-Qorti Kostutizzjonali m'aċċettatx it-talba tal-għaqda Repubblika sabiex jitwaqqfu b'mod temporanju l-ħatriet ta' Maġistrati u Imħallfin sakemm jiġi fi tmiemu l-każ li l-istess Repubblika fetħet kontra l-Gvern Malti. L-għaqda kienet talbet sabiex il-ħatriet tal-ġudikatura jieqfu sakemm jidħlu fis-seħħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja.

F’April li għadda, il-Ministeru għall-Ġustizzja kien ħabbar sitt ħatriet ġodda fil-ġudikatura, tliet imħallfin u tliet maġistrati li kollha ġew approvati mill-Kumitat tal-Għażla tal-Ġudikanti. Xahar wara l-Qorti kienet m'aċċettatx it-talba tal-għaqda Repubblika biex jkunux maħturin iktar Maġistrati u Imħallfin iżda l-għaqda kienet sussegwentement appellat is-sentenza.

Is-sentenza ġiet mogħtija llum mill-Prim Imħallef Joseph Azzopardi flimkien mas-Sur Imħallef Giannino Caruana Demajo u Noel Cuschieri.

Minkejja li ċaħdet it-talba temporanja ta’ Repubblika l-Qorti qalet li dan ma kienx iffiser li t-talba tagħhom kienet waħda bla mertu.

Fis-sentenza tagħhom huma qalu li l-liġi mhix xi ħaġa statika u dak li kien validu fil-passat mhux neċessarjament għandu jibqa’ hekk illum. Il-fatt li l-imħallfin u l-Maġistrati kienu dejjem maħtura b’tali mod fil-passat ma jfissirx li dan il-metodu kien wieħed sodisfaċenti, qalet il-qorti.

Madanakollu, l-Qorti osservat li s-sistema preżenti ta’ ħatriet ġudizzjarji marret tajjeb għal ħafna snin u li ma setgħetx f’salt tiċħadha u titlob għal miżura drastika temporanja.

 Il-Qorti kkonfermat ukoll il-konklużjoni tal-ewwel Qorti li kienet ikkonkludiet li Repubblika kellha dritt tiftaħ każ fundamentali dwar il-validità tal-liġi dwar dawn l-istess nomini. B'hekk issa l-każ dwar jekk għandux jitwaqqfu l-ħatriet tal-Gvern fil-Ġudikatura sakemm jidħlu fis-seħħ ir-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Venezja se jkompli jinstema'.

 

More in Politika