Joqtol tiġrija u jżomm il-bieb miftuħ għalih. L-aħħar mossa ta’ Muscat

L-ILLUM żvelat x’qal Joseph Muscat f’laqgħa tal-Eżekuttiv Laburista. ‘Mhux se nitlaq, la issa u lanqas wara l-Baġit’. Imma għalfejn qalha din? X’għan ried jilħaq? U se jibqa’ sal-elezzjoni jew le? U x’inhuma l-konsegwenzi fuq il-partit?  

Jitlaq jew jibqa’? Skont l-opportunità
Jitlaq jew jibqa’? Skont l-opportunità

Il-ġimgħa li għaddiet l-gazzetta ILLUM kellha storja esklussiva dwar dak li qal il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Joseph Muscat fl-aħħar laqgħa tal-Eżekuttiv tal-Partit Laburista meta sostna hekk; ‘Mhux se nitlaq, la issa u lanqas wara l-Baġit.’

Illum se tanalizza xi tfisser eżatt din l-istqarrija u l-effett tagħha filwaqt li se terġa’ tagħti ħarsa lejn ix-xenarji politiċi li se jinħolqu meta Joseph Muscat jiddeċiedi li jitlaq.

Muscat mhux se jirtira ... x’se jagħmel jekk jitlaq? 

Iċ-ċans ta’ Muscat li jkollu kariga ewlenija fl-istrutturi tal-Unjoni Ewropea m’għadux hemm. Ma kienx magħżul biex imexxi l-Kummissjoni Ewropea u lanqas f’waħda mill-karigi tal-istess istituzzjoni, fosthom l-irwol tal-President tal-Bank Ċentrali Ewropew li mid-dehra se jingħata lil Christine Lagarde.

Dan ifisser li għalissa l-ambizzjonijiet politiċi ta’ Muscat fl-Ewropa ħadu daqqa ’l isfel. Imma dan ma jfissirx li kollox mitmum għall-ambizzjonijiet ta’ Muscat barra minn Malta. Hemm opportunitajiet oħrajn, li qegħdin hemm diġà jew li jistgħu jqumu fiż-żmien li ġej, uħud minnhom ta’ prestiġju għoli li jaf jattiraw l-interess ta’ Muscat. 

Hija improbabbilità kbira, li Muscat, politiku ambizzjuż u ta’ suċċessi elettorali li għadu żgħir fl-età, se jirtira u joqgħod bilqiegħda ma jagħmel xejn. Hija kważi karatteristika tal-politiċi illi wara li ma jibqgħux f’kariga li fiha għamlu suċċess jieħdu kariga ġdida jew jibqgħu politikament preżenti. 

Dom Mintoff, pereżempju baqa’ omnipreżenti fil-Gvern kemm il-partit dam immexxi minn Karmenu Mifsud Bonnici pratikkament waqqa’ l-Gvern Laburista mmexxi minn Alfred Sant. Eddie Fenech Adami kien maħtur President. 

Dan ifisser li lil hinn minn dak li ġenwinament jixtiequ ħafna Laburisti u dak li jixtiequ dawk li huma inqas ġenwini, il-mument tat-tluq ta’ Muscat huwa primarjament determinat mill-opportunità li tista’ tqum għal Muscat. 

Muscat għaqqad bħal kolla diversi interssi, switchers ma Laburisti, liberali ma’ konservattivi
Muscat għaqqad bħal kolla diversi interssi, switchers ma Laburisti, liberali ma’ konservattivi

Imma la mhux se jitlaq għalfejn ħass li kellu jgħid dan fl-Eżekuttiv?

It-tron ta’ Prim Ministru, speċjalment wieħed ġeneralment maħbub fi żmien ta’ tkabbir ekonomiku qawwi b’partit li jinsab fl-aqwa tiegħu, huwa wieħed illi ħafna lesti jiġġieldu għalih. 

U fil-fatt jinħass li għaddejja kampanja minn kull wieħed minn dawk li qed jissemmew għat-tmexxija tal-partit, imma b’mod speċjali dawk li huma ministri. Affarijiet u mossi li jistgħu jidhru bħala frivoli; pereżempju li kull fejn il-PL rebaħ lokalità (anke kieku kien Ħal Muxa) fl-aħħar elezzjoni tal-Kunsilli, tara lil Konrad Mizzi fin-nofs (imbagħad ġie Ian Borg), jaqbeż, jiċċelebra u jifraħ lill-Kunsilliera. 

Frivola? Le, mhix. Il-Laburist li kien qed jiċċelebra dakinhar jiftakar lil Mizzi se jiftakru jiċċelebra miegħu,  jiftakar lil Mizzi jiċċelebra s-suċċessi tal-partit. Dan biex ma nsemmux il-kampanja personali #Gettingthingsdone  ta’ Ian Borg li qed juża l-proġetti tat-toroq bħala l-pjattaforma biex juri li hu kapaċi jkun ħafna iktar minn Super-Ministru.

Għalissa l-ambizzjonijiet politiċi ta’ Muscat fl-Ewropa ħadu daqqa ’l isfel. Imma dan ma jfissirx li kollox mitmum għall-ambizzjonijiet ta’ Muscat barra minn Malta. Hemm opportunitajiet oħrajn

Imbagħad hemm Chris Fearne, intervistat fuq din il-gazzetta llum. Fearne huwa persuna stuża u politiku ambizzjuż ħafna, mhux xi sigriet allura li bena alleanzi ovvji ma’ numru ta’ gazzetti li jistgħu jinfluwenzaw l-opinjoni tal-votant Laburista li jkun mitlub jivvota f’elezzjoni għall-mexxej ġdid Laburista. 

Kważi lanqas tgħaddi ġurnata li ma narawx lill-istess Fearne fuq quddiem tal-ġurnal l-orizzont. Din mhix kumbinazzjoni, imma b’mod ċar frott ta’ ħidma mill-qrib ma’ gazzetta popolari mal-għeruq Laburisti. 

Miriam Dalli, min-naħa l-oħra, jidher li tilfet l-okkażjoni għalissa, okkażjoni li ppreżentat ruħha b’mod assolutament perfett wara l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, wara “l-glorja”, hekk kif saret l-aktar kandidat Laburista għall-elezzjoni tal-PE li qatt kisbet voti. Il-fatt li hija inqas preżenti iżda hija, l-ewwel nett riżultat tal-fatt li ħidmietha huwa fi Brussell u bl-ebda mod ma jfisser li m’għadhiex interessata jew li m’għadhiex l-aktar ippreferuta. 

Muscat ried joqtol din it-tiġrija mhux uffiċjali. U sa ċerta punt irnexxielu u sa ċerta punt le. 

Qatel jew ma qatilx it-tiġrija? 

Sa ċerta punt iva u sa ċerta punt le. Qatilha fis-sens li l-istorja tal-ILLUM, li mill-ħinijiet ta’ filgħodu bdiet tinxtered sew  fuq il-midja soċjali, qajmet mill-ġdid forza ta’ partitarji li bdew jilqgħu din l-aħbar b’pożittività u jirrinforzaw il-ħsieb li Muscat se jibqa’ hemm biex iwassal lill-PL għal rebħa elettorali kbira oħra, forsi rebħa rekord oħra. 

Dan is-sentiment jiskoraġġixxi kull forma ta’ kkampanjar għall-kariga ta’ Muscat u kważi jagħmel l-istess ikkampanjar deċiżjoni kontra r-rieda u direttament kontra Muscat innifsu. 

Min-naħa l-oħra ma qatilhiex għaliex Muscat qal li ‘mhux se nitlaq, la issa u lanqas wara l-Baġit.’ Fil-verità l-Baġit għad fadallu ftit iktar minn xahar u sena oħra għall-Baġit ta’ wara. Ma tax garanzija li se jibqa’ sal-elezzjoni li jmiss. 

Dan ifisser li Muscat, b’din il-mossa fl-Eżekuttiv Laburista li kixfet din il-gazzetta u l-istqarrija sussegwenti tiegħu fl-istess sens; qatel xi ftit minn din it-tiġrija mhux uffiċjali, imma fl-istess ħin żamm il-possibilitajiet tiegħu miftuħin. B’hekk it-titlu!

Imma għalfejn ma jaqbillux li tibqa’ għaddejja din it-tiġrija mhux uffiċjali? 

Hija ovvja. L-ewwel nett din qed toħloq inċertezza mhux biss għall-partit imma anke għall-pajjiż, bħal donnu għandek Prim Ministru u m’għandekx għax taf li se jitlaq minn mument għall-ieħor. 

Dan iġib fid-dubju l-immaġini ta’ mexxej indubitat, assolut u kważi meqjum tal-Partit Laburista li sar Muscat u f’daqqa waħda sezzjonijiet differenti tal-partit bdew jiġbdu l-ħbula differenti tal-kandidat ippreferut tagħhom. 

Iktar kemm iddum għaddejja din it-tiġrija, iktar hemm ċans li l-Partit Laburista jerġa’ jibda riesaq lejn is-sitwazzjoni li fiha kien qabel ta’ fazzjonijiet u ġlied intern. 

Min huwa ta’ Fearne kontra min huwa ta’ Mizzi u ta’ Mizzi kontra min hu ta’ Borg u ta’ Borg kontra min hu ta’ Dalli. 

U l-partit jaqbillu li jitlaq Muscat? X’inhuma l-konsegwenzi ta’ dan? 

Definittivament li le u żgur li l-konsegwenzi jistgħu jkunu kbar. Mhux xogħol din il-gazzetta li tagħmel eloġji, imma fil-verità Muscat qabad partit imkisser, b’partitarji diżillużi u li kien meqjus bħala wieħed tellief, għal partit rebbieħ u l-partit naturali fil-Gvern. 

Dan għamlu billi żamm lil-Laburisti miegħu u magħhom żied eluf ta’ switchers, li llum kważi kważi tista’ ssejħilhom Laburisti, u magħhom żied uħud mill-akbar negozjanti u intraprendituri li dejjem kienu taw l-appoġġ lill-PN. 

Iktar kemm iddum għaddejja din it-tiġrija, iktar hemm ċans li l-Partit Laburista jerġa’ jibda riesaq lejn is-sitwazzjoni li fiha kien qabel ta’ fazzjonijiet u ġlied intern

Din il-koalizzjoni għandha kollha waħda, jew inkella s’issa waħda li nistgħu ngħidu illi tat ir-riżultati u din hija Joseph Muscat. 

Ladarba u fil-ġurnata li Muscat ma jibqax, dik il-kolla li twaħħad lil dawn l-interessi kollha differenti ma tibqax u jekk ma temminx ħares lejn il-PN. 

Eddie Fenech Adami, politiku konservattiv u meqjus bħala viċin il-Knisja Kattolika kien irnexxielu jbiddel lill-PN f’wieħed ħafna eqreb lejn il-ħaddiem, ħafna inqas elitista u li permezz tal-viżjoni tas-sħubija ta’ Malta mal-Unjoni Ewropea kien irnexxielu jgħaqqad taħt umbrella waħda; konservattivi u liberali, votanti tan-nofsinhar u dawk taċ-ċentru (Slimiżi, Ġiljaniżi, Swieqi ...), foqra u sinjuri, ħaddiem tal-id u ħaddiem tal-moħħ, reliġjużi u l-komunità LGBTIQ. 

Dik il-kolla nħallet malli Fenech Adami ma baqax Kap tal-PN u minn hemm in-niżla ma setgħetx kienet aktar wieqfa, b’kull biċċa tal-PN tinħall u donnha titlaq għaliha. 

Ladarba u fil-ġurnata li Muscat ma jibqax, dik il-kolla li twaħħad lil dawn l-interessi kollha differenti ma tibqax u jekk ma temminx ħares lejn il-PN

L-aħħar waħda u l-iktar ovvja hija l-qasma bejn in-Nazzjonalisti minn Tas-Sliema, is-Swieqi, Tal-Ibraġġ, ġeneralment min-naħa ta’ fuq tal-klassi tan-nofs u li titkellem bl-Ingliż kif ukoll li kienet issegwi lil Daphne Caruana Galizia, minn Nazzjonalisti tan-naħa ta’ isfel, ġeneralment min-naħa ta’ isfel tal-klassi tan-nofs, li tgħix fin-Nofsinhar u  li  ressqu lejn il-partit l-aktar grazzi għall-politika ta’ Eddie u l-avvenimenti tal-aħħar tas-snin 80. 

Dak li qed jiġri llum fil-PN jista’ jiġri fil-bażi ta’ votanti Laburisti tal-lum, li bħalissa tinkludi firxa wiesgħa ħafna ta’ eks votanti Nazzjonalisti. 

Min huwa l-aħjar biex imexxi ’l quddiem il-wirt politiku ta’ Muscat? 

Din hija l-aktar mistoqsija kardinali li m’aħniex se nwieġbu. Huwa żgur li l-aqwa indikazzjoni ta’ min se jmexxi ’l quddiem lill-PL għal snin oħra ta’ suċċess se jkun min se jkun wara min u l-intenzjoni ta’ min hemm warajhom. 

Mill-erbgħa li qed jissemmew hemm min hu kapaċi jwettaq (a doer), hemm min għandu balagalja politika naqra tqila, hemm min nafu ftit li xejn dwaru jew dwarha (forsi wisq ftit) u hemm min iġib l-innovazzjoni. 

Hu x’inhu ħafna se jiddependi fuq min se jkun hemm wara l-kandidati u x’inhuma l-aspettattivi tagħhom. 

More in Politika