Intervista | ‘Il-VGH ma għażilhomx Konrad Mizzi ... it-tendering ma jkunx influwenzat mill-Ministru’

Minn Mater Dei sa Monte Karmeli, mill-VGH sa Steward, mit-Technoline sal-Paola Hub, u mir-rivisti għall-ġirja għat-tmexxija tal-Partit Laburista. L-ILLUM tistaqsi lill-Ministru Chris Fearne...

Chris Fearne. Wieħed mill-aktar ministri popolari tal-Gvern Laburista u maħbub ukoll mill-Laburisti li eleġġewh Deputat Mexxej u eventwalment Deputat Prim Ministru. Jibqa’ wkoll wieħed mill-kandidati favoriti biex jieħu post Joseph Muscat anke jekk dan qal li mhux se jwarrab għalissa. L-ILLUM tiltaqa’ miegħu u tistaqsih.

Il-Ministru Fearne ilu tliet snin Ministru għas-Saħħa. Bdejt l-intervista nistaqsih x’jaħseb li kienu l-aqwa affarijiet li kiseb fl-aħħar xhur. Beda jagħmel referenza għall-aħħar snin ta’ Gvern Nazzjonalista, jisħaq li fis-settur tas-saħħa kien hemm moral baxx ħafna li hu ħassu b’idejh stess bħala kirurgu.

“Ir-riżorsi umani kienu qed jonqsu, il-bereġ kienu qed jiġu abbandunati, tagħmir ġdid kważi xejn. Il-listi ta’ stennija kienu telgħin,” saħaq Fearne. “Kien hemm nuqqas ta’ tmexxija, nuqqas ta’ ppjanar u mediċini out of stock.”

Kien hawn li Fearne saħaq li waħda mill-kisbiet li rnexxielu jagħmel Gvern Laburista kienet li biddel l-attitudni. “Tajna l-faċilitajiet biex min irid jaħdem jaħdem. L-ekonomija b’saħħitha tgħin biex stajna ninvestu aktar f’riżorsi mhux biss finanzjarji iżda anke umani.” 

Iżda mhux l-ewwel darba li l-infermiera, partikolarment il-unjin li tirrappreżentahom, ilmentaw dwar in-nuqqas ta’ riżorsa umana li qed twassal biex l-infermiera jiżdidilhom ħafna x-xogħol.

Mistoqsi dwar dan, il-Ministru insista li mill-2013 sa issa, l-għadd ta’ infermiera żdied b’1,200 persuna. “Għaxar snin ilu ggradwaw 51 infermier. Din is-sena se jiggradwaw 180. L-akbar żieda ta’ rata ta’ infermiera gradwati fl-Unjoni Ewropea,” qal Fearne.

Fakkar kif skont studju li kien sar mal-MUMN madwar ħames xhur ilu, irriżulta li kien hemm bżonn 400 infermiera oħra. Qal li diġà daħlu 200 minnhom u fis-sentejn li ġejjin se jidħlu l-bqija.

Iżda jekk ir-riżorsa umana qed tiżdied, id-domanda, anke biż-żieda fil-popolazzjoni, qed tikber. X’jaħseb Fearne? Filwaqt li rrikonoxxa dan, tenna li l-Ministeru tiegħu biddel sistema li kienet qatgħet qalbha, għal sistema motivata li toffri l-aqwa servizz lill-pazjenti.

“Daħħalna l-patient charter. Jagħti l-ammont ta’ ħin li wieħed jista’ jistenna fl-emerġenza, fl-out patients, għall-kura tal-kanċer u għall-operazzjonijiet ... jekk dak il-ħin inqabeż, tista’ tmur tinqeda fi sptar privat u jħallas il-Gvern. Ftit li xejn kellna naslu għal din is-sitwazzjoni,” saħaq Fearne.

Semma l-listi ta’ stennija, bid-Deputat Prim Ministru jisħaq li dawn tnaqqsu drastikament, fosthom anke għax il-ħinijiet li fih isiru l-operazzjonijiet żdiedu waqt li nkrew swali fi sptarijiet privati.

Anke jekk il-listi ta’ stennija naqsu, fl-aħħar xhur din it-tendenza staġnat u staqsejna lill-Ministru x’inhi r-raġuni. Qal li dan minħabba n-nuqqas ta’ anesteżisti. “Fl-aħħar sena ftaħna aktar għal anesteżisti żgħar u qed inġibu wkoll anesteżisti minn barra l-pajjiż.” Spjega kif sal-aħħar tas-sena d-dieħla, se jkun hemm 10 anesteżisti żejda biex ilaħħqu mad-domanda.

Imma Mater Dei għadu biżżejjed? Miexi l-Paola Hub?

Staqsejt lill-Ministru jekk jaħsibx li minħabba li d-domanda dejjem tiżdied, Mater Dei għadux biżżejjed.

“Gvernijiet Nazzjonalisti bnew Mater Dei, nefqu ħafna riżorsi u l-pjan kollu tal-qasam tas-saħħa kien Mater Dei ... Il-konsegwenza kienet li abbandunaw il-qasam tal-kura primarja,” beda jwieġeb Fearne. “Aħna jidhrilna li jekk tista’ tieħu l-kura fil-komunità ma għandekx tmur Mater Dei.”

Kien għalhekk li saħaq li l-Gvern qed jaħdem ħafna mat-tobba tal-familji, waqt li semma, fost oħrajn, is-sistema tal-My Health. 

Kompla jfakkar li l-Gvern għandu wkoll €10 miljun esklussivament għaċ-ċentri tas-saħħa u qed jerġgħu jinfetħu l-bereġ, liema fondi ġejjin ukoll mill-Programm taċ-Ċittadinanza b’Investiment. “Importanti mhux l-infrastruttura, iżda li qed noħorġu s-servizzi minn Mater Dei ... issa qed niftħu wkoll il-GU Clinic fiċ-ċentri tas-saħħa u fil-bereġ,” kompla jgħid.

Fakkar fix-xogħlijiet li se jsiru fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Gżira u f’dawk li għaddejjin fiċ-Ċentru Ċensu Moran ta’ Raħal Ġdid.

Mistoqsi fiex wasal ix-xogħol fuq il-Paola Hub, il-Ministru qal li x-xogħlijiet kellhom jieqfu għal madwar sitt ġimgħat minħabba li nstab xelter kbir tal-gwerra u anke fdalijiet Rumani.

“Fix-xhur li ġejjin se noħorġu sejħa biex ikollna ċentru ieħor reġjonali fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta,” saħaq il-Ministru.

Apparti minn hekk insista kif f’Mater Dei qed isir użu aħjar tar-riżorsi fejn fakkar fil-proġett varat ftit tax-xhur ilu għad-distribuzzjoni tal-mediċina permezz tar-robotika. 

“Qed noħorġu numru ta’ servizzi, anke li mhumiex kliniċi u affarijiet amministrattivi minn Mater Dei għal binjiet oħrajn madwar l-isptar, inkluż binjiet li dwarhom qed niddiskutu mal-Università, biex nilliberaw aktar spazju f’Mater Dei u jiżdiedu s-sodod,” spjega Fearne.

Fakkar ukoll li s-sena d-dieħla se jkun qed jibda l-bini fuq out patients ġdid, li jinkludi wkoll parkeġġ taħt l-art u anke l-isptar għat-tfal.

“Wasalna fl-aħħar fid-diskussjonijiet mal-Awtorità tal-Ippjanar biex ikollna parkeġġ temporanju biex fejn bħalissa hemm parkeġġ (ħdejn il-kamra mortwarja) ikun jista’ jibda x-xogħol fuq l-out patients ... Tinsiex li fuq Mater Dei, minħabba l-problema tal-konkrit ma nistgħux nibnu.”

Monte Karmeli: Se jingħalaq? Meta?

Kien hawn li qlibna d-diskors fuq l-Isptar Monte Karmeli u l-kura tas-saħħa mentali, hekk kif il-Ministru fakkar fuq l-isptar tal-psikjatrija li se jinbena biswit Mater Dei.

Fuq Monte Karmeli smajna dwar soqfa kkundannati u pazjenti li jinżammu fi spazju limitat. Staqsejna lill-Ministru dwar is-sitwazzjoni f’dan l-isptar, bi Chris Fearne jisħaq li kien il-Gvern li beda jitkellem fuq dan.

“Għamilna rapport li ma fih xejn kunfidenzjali ... u issa qed nindirizzaw dawn il-problemi. Hemm blokka minnhom bħalissa vojta fejn prattikament qed jinbidlu s-soqfa,” saħaq id-Deputat Prim Ministru.

“Imma Monte Karmeli se jagħlaq? Mhux hekk wiegħed il-Partit Laburista?” staqsejtu.

Fakkar li għall-ewwel darba, il-pajjiż għandu pjan nazzjonali għall-kura tas-saħħa mentali, li wieħed mill-kunċetti tiegħu hija li l-kura toħroġ minn dan l-isptar.

“Fl-aħħar xahrejn ftaħna ħames ċentri ġewwa Malta u se jkollna wkoll f’Għawdex ... għandna l-art identifikata u l-pjan tagħna huwa li jkollna sptar apposta fil-kumpless ta’ Mater Dei. Bħalma inti tidħol l-isptar jekk għandek infezzjoni fil-pulmun, f’dan l-isptar tak attakk ta’ skizofrenija, dħalt, ħadt il-kura u ħriġt u mhux tidħol l-isptar u tibqa’ hemm ħamsin sena kif kien jiġri qabel,” saħaq il-Ministru.

Mistoqsi jekk il-Gvern għandux tir meta dan l-isptar ikun lest, Fearne saħaq li l-medical brief sar, qed ikun diskuss mal-istakeholders biex ikun jista’ jibda x-xogħol tad-disinn. “Qed nimmiraw li sal-aħħar tas-sena d-dieħla noħorġu t-tenders... naraw li sal-2023 ikollna l-isptar il-ġdid. 

“Allura dan ifisser li mhux se jkollna bżonn aktar Monte Karmeli?” erġajna staqsejnieh. Fakkar kif f’Monte Karmeli wara proċess biex ikun stabbilit min ma hemmx għalfejn jibqa’ l-isptar, minn 600 pazjent inħarġu 200 u bħalissa għaddej proċess biex jiġu rrilokati 30 pazjent ieħor.

“Kemm nistgħu noħorġu pazjenti minn Monte Karmeli se noħorġuhom. Iżda se jibqa’ madwar 300 pazjent, li huma istituzzjonalizzati, li se jkun kważi impossibbli li toħroġhom. Monte Karmeli jingħalaq biċċa biċċa. Il-pjan tagħna huwa li din is-sena jingħalqu żewġ swali kompletament u ma nerġgħux niftħuhom,” saħaq Fearne. “Iżda dan xorta jfisser li l-impjegati u l-pazjenti jaħdmu u jirċievu l-kura f’ambjent dinjituż.”

X’sar mir-rapport xejn sabiħ tal-Awditur?

Fakkart lill-Ministru f’rapport maħruġ mill-Awditur Ġenerali f’Lulju tas-sena li għaddiet li fih pinġa stampa pjuttost kerha tas-sitwazzjoni f’Monte Karmeli, anke fost il-ħaddiema. X’sar dwaru? 

Dwar ir-riżorsa umana, ammeta li hemm bżonn aktar infermiera li jispeċjalizzaw fil-kura tas-saħħa mentali u dwar it-tobba, qal li kellu laqgħat mal-Assoċjazzjoni tal-Psikjatri u ġew ingaġġati konsulenti ġodda, anke jekk biex is-servizz jingħata fil-komunità se jkun hemm bżonn aktar professjonisti.

Ċert li fl-aħħar mill-aħħar anke jiena nitla’ nixhed. Ma għandi l-ebda problema li l-affarijiet isiru bl-aktar mod trasparenti

Iżda staqsejnieh ukoll dwar ħaddiema oħra li jaħdmu fl-isptar fosthom skrivana li kienu spiċċaw jaħdmu fil-manutenzjoni. Il-Ministru qal li l-Ministeru wieġeb lill-Awditur dwar dan, fejn ikkonferma li fil-perjodu li fih kien qed isir ir-rinovar “kien hemm ħaddiema li minn job description marru fuq ieħor.”

Dwar il-kwistjoni tas-sigurtà, Fearne qal li ddaħħlu uffiċjali ġodda, sistemi ġodda ta’ kif wieħed jidħol fl-isptar u assigura li l-grada qed tkun magħluqa.

Il-VGH? Ħadd mhu se jerfa’ r-responsabbilità

Il-Vitals Global Healthcare. Ġew b’ħafna pompi u telqu ’l hemm. Għaddejjin inkjesti u investigazzjonijiet. Staqsejna lil Fearne min se jkun qed jerfa’ r-responsabbilità jekk jinstab li dan il-kuntratt ma jmissu qatt sar. “Joseph Muscat, Konrad Mizzi, inti, għax hemm kont? Min?” staqsejtu.

Il-Ministru nsista li kien hu stess li talab investigazzjoni mill-Awditur Ġenerali u wiegħed li r-riżultati se jkunu pubbliċi u diskussi quddiem il-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi. “Ċert li fl-aħħar mill-aħħar anke jiena nitla’ nixhed. Ma għandi l-ebda problema li l-affarijiet isiru bl-aktar mod trasparenti” saħaq Fearne.

Erġajt staqsejtu, għal aktar minn darba, min se jerfa’ r-responsabbilità, jekk l-Awditur jew il-Qrati jsibu irregolaritajiet f’dan il-kuntratt kontroversjali. “Dawn huma mistoqsijiet ipotetiċi,” baqa’ jwieġeb Fearne. 

Bqajt nagħmillu l-istess mistoqsija sakemm Fearne insista li l-Gvern u hu bħala Ministru, meta ra li l-VGH ma kinux qed jagħtu dak li kien mitlub minnhom, ma aċċettawx is-sitwazzjoni.

Staqsejt lill-Ministru hux jindika li kien hu personali li waqqaf il-VGH. Ma ċaħadx. “Kien hemm element fejn aħna ma konniex kuntenti bil-miri kif kienu qed jilħquhom.”

“Interessanti kif ftit wara li sirt Ministru inti li dawn telqu,” irrimarkajt lil Fearne. “Mhux qed ngħid neċessarjament għax sirt Ministru jiena. Ġeneralment fil-ħajja ma jkunx hemm fattur wieħed, iżda numru ta’ fatturi li jiġu flimkien.”

X’sar minn Ram Tumuri?

U x’sar minn Ram Tumuluri, is-sid tal-VGH. L-ILLUM kienet irrapportat ħafna dwaru, fosthom kif ma kellux esperjenza fil-qasam u wisq inqas fin-negozju. Fearne wieġeb li ma għandux kuntatt miegħu u ma jafx fejnu.

“Ħadd ma jaf fejnu?” erġajt staqsejt lil Fearne. “Int lili qed tistaqsi. Nassumi li jkun hemm min jaf fejnu.”

U kieku kien Fearne Ministru għas-Saħħa qabel, kien jagħżel lill-VGH la ma kellhomx esperjenza? “Il-VGH ma għażilhomx Konrad Mizzi ... il-proċess tat-tendering ma jkunx influwenzat mill-Ministru,” wieġeb Fearne.

Il-kuntratt mat-Technoline: X’sar minnu?

Tkellimna wkoll dwar il-kuntratt li l-VGH tat lit-Technoline Ltd, għax-xiri tat-tagħmir mediku fl-isptarijiet li kellha tmexxi, kumpanija li nxtrat minn Ivan Vassallo wara li ssellef mingħand is-sidien tal-VGH stess. X’sar minn dan il-kuntratt ikkritikat minn Fearne stess?

Il-Ministru qal li dan il-kuntratt kien ġie diskuss ma’ Steward u anke jekk ma kien hemm l-ebda klawżola li permezz tagħha setgħu jinħallu mill-kuntratt, it-Technoline ma għadhiex responsabbli, b’mod esklussiv, mix-xiri tal-apparat.

Iżda ma jaħsibx li l-Gvern tefa’ l-ġebla fuq saqajh meta t-Technoline issa hija parti minn konsorzju li qed tibni l-Paola Hub minkejja dak kollu żvelat? Il-Ministru saħaq biss li l-kuntratt tal-Paola Hub huwa wieħed mill-aktar kunratti li ġie eżaminat.

“It-Technoline nfushom jagħmlu xogħol tajjeb,” wieġeb il-Ministru waqt li fakkar kif din il-kumpanija taħdem kemm ma’ Mater Dei u anke ma’ sptarijiet privati. 

Insista li hu kellu dubji mhux fuq il-kumpanija nnifisha, iżda fuq is-sistema ta’ kif kienet qed taħdem.

U Steward. Qed jaħdmu biżżejjed?

Dwar Steward Health Care, il-Ministru Fearne kien ħafna pożittiv.

“L-affarijiet mexjin... Steward qed jaħdmu,” saħaq il-Ministru waqt li fakkar fl-iskola tal-anatomija u fl-iskola Barts li issa huma lesti.

Insista li dak li qed jagħmlu Steward f’Għawdex qed jagħmel ġieħ lill-pajjiż u kien hawn li saħaq li jekk ix-xogħol fuq l-isptarijiet se jkunu tal-istess livell tal-iskola Barts u tal-anatomija “f’Għawdex se jkollna sptar ħafna aqwa minn Mater Dei.” 

Fearne qal ukoll li issa li lest ix-xogħol fuq Barts, fix-xhur li ġejjin se jibda x-xogħol ukoll fuq l-isptar ta’ Għawdex, San Luqa u Karin Grech waqt li insista li d-disinji tal-isptarijiet huma lesti. 

Chris Fearne jimmaġinah flok Joseph Muscat?

Qlibna d-diskors biex nitkellmu dwar il-futur politiku ta’ Chris Fearne. Joseph Muscat qal li mhux se jitlaq għalissa, imma kien qal ukoll li mhux se jerġa’ jikkontesta elezzjoni ġenerali. Chris Fearne jikkunsidra t-tmexxija tal-Partit Laburista?

Kif kien mistenni, it-tweġiba kienet waħda. Fit-tmexxija tal-PL ma hemmx post vakanti. Insista li kulħadd huwa wara Joseph Muscat, li hu onorat li jaħdem miegħu u li jixtieq li din ir-relazzjoni tibqa’ għal ħafna snin. Għalhekk reġa’ ddeskriva din il-mistoqsija bħala “ipotetika.”

Iżda dan l-aħħar Chris Fearne deher jimbotta ħafna lilu nnifsu. Deher f’festi, fuq il-qxur ta’ magazines, saħanistra jippoża bil-kelb. “Ma taħsibx li qed tagħmilha ovvja?” staqsejt lil Fearne.

“Imbilli għandi kelb? ... Xi xahar ilu kien hemm Ira Losco fuq il-magazine, allura din ħierġa għal Prim Ministru? Dawk il-magazines  minn jeddhom,” insista d-Deputat Prim Ministru.

Baġit 2020? X’hemm lest għas-Settur tas-Saħħa?

Fl-aħħar nett staqsejt lill-Ministru x’se jkun jinkludi l-Baġit tas-sena d-dieħla għas-Settur tas-Saħħa.

“Il-flus allokati għall-qasam tas-saħħa se jkompli jiżdied,” saħaq il-Ministru.

Insista li l-akbar nefqa f’dan is-settur se tkun fuq ir-riżorsa umana u mediċini ġodda, fosthom għall-kura tal-kanċer, taċ-ċirkolazzjoni, tal-prostata u tilqim għall-meninġite u mediċini ġodda tal-HIV.

More in Politika