Mill-ġimgħa d-dieħla 15,000 pazjent tal-prostata se jibbenefikaw minn mediċina b'xejn

L-għadd se jitla' għal 52,000 pazjent tal-prostata fi żmien sitt xhur hekk kif jidħlu żewġ mediċini ġodda

Fi żmien sitt xhur 52,000 pazjent tal-prostata se jkunu qed jibbenefikaw minn mediċini b’xejn.

15,000 minnhom se jibdew jibbenefikaw minn din il-mediċina b’xejn sa mill-ġimgħa d-dieħla.

Ħabbar dan id-Deputat Prim Ministru u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt żjara fid-Dipartiment tal-Uroloġija fl-Isptar Mater Dei.

Sal-lum il-mard tal-prostata ma kienx inkluż mal-lista ta’ kundizzjonijiet kroniċi li għalihom tingħata l-mediċina b’xejn iżda issa, wara li saru emendi legali, pazjenti bi problema fil-prostata se jibdew jibbenefikaw minn mediċini b’xejn.

L-ispiża  globali fuq dan il-proġett mistennija tilħaq madwar €5.3 miljun.

Fearne spjega kif mill-1 ta’ Ottubru li ġej, il-ġimgħa d-dieħla, żewġ mediċini tal-prostata se jibdew jingħataw mingħajr ħlas. 

“Matul is-sitt xhur li ġejjin żewġ mediċini ġodda oħra għall-prostata se jiddaħħlu fuq il-Formularju tal-Gvern. B’hekk, b’kollox, se jkunu qed jibbenefikaw madwar 52,000 ruħ. Nikkalkulaw li meta dan il-proġett jiġi fi tmiemu bid-dħul tal-mediċini ġodda kollha, pazjent b’kundizzjoni fil-prostata se jkun qed jiffranka madwar €400 fis-sena,” qal l-Aġent Prim Ministru.

Il-benign prostate enlargement (prostata kbira) hi kundizzjoni li tolqot numru kbir ta’ rġiel. 

F’Malta u f’Għawdex hu kkalkulat li hawn madwar 52,000 ruħ affettwati minn din il-kundizzjoni u kollha jkollhom bżonn xi forma ta’ trattament. 

Hu stmat li madwar 50% tal-irġiel ikunu diġà sofrew bi problemi fil-prostata sakemm jilħqu l-età ta’ 50 sena, bil-persentaġġ jitla’ għal 75% tal-irġiel sakemm jilħqu l-età ta’ 80 sena. 

Bejn 40 u 50% ta’ dawn il-każijiet il-problema fil-prostata tkun klinikament sinifikanti.

Meta tqis l-etajiet imsemmijin ifisser ukoll li ħafna mill-irġiel b’kundizzjoni fil-prostata huma wkoll pensjonanti.

Fi stqarrija, il-Ministeru appella lil kull min għandu appuntament fl-Outpatients fid-Dipartiment tal-Uroloġija tal-Isptar Mater Dei u għandu problemi ta’ prostata, biex ikellem lill-konsulent tiegħu biex jara jekk jistax jibdel it-trattament għall-mediċini l-ġodda li se jkunu ddaħħlu fil-Formularju tal-Gvern. 

Dawk li m’għandhomx appuntament mal-Outpatients għandhom jikkonsultaw mat-tabib tal-familja li min-naħa tiegħu se jkollu formola li tiggwidah dwar liema pazjenti jistgħu jinqalbu għat-trattament eżistenti.

More in Politika