Il-Gvern f'diskussjonijiet wara li l-kumpanija tal-ivjaġġar Thomas Cook falliet

Madwar 600,000 turist ġew affettwati mill-falliment ta' din il-kumpanija u bħalissa jinsabu maqbuda f'diversi pajjiżi

Wara li tħabbar li l-kumpanija Ingliża Thomas Cook falliet, il-Gvern Malti qal fi stqarrija li se jkun qed jieħu numru ta’ inizjattivi biex it-turisiti u l-lukandi Maltin jintlaqtu bl-inqas mod possibbli.

Fl-istess stqarrija, il-Gvern spjega kif bħalissa għaddejin diskussjonijiet fuq livell għoli mal-istakeholders kollha, u permezz tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu ġiet offruta kull għajnuna possibbli lill-British High Commission li qiegħda tikkordina l-ħidma ta’ ripatrijazzjoni tal-klijenti Ingliżi ta’ Thomas Cook.

Fil-fatt jidher li se tkun qed issir titjira ta’ emerġenza llum waranofsinhar bil-għan li toffri l-għajnuna lill-eluf ta’ passiġġieri li spiċċaw ma jafux x’se jaqbdu jagħmlu wara li t-titjira tagħhom tħassret, inkluż f’Malta.

Kelliema għall-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta kkonfermat ma’ siti tal-aħbarijiet li qed ikunu mħejjija tlett titjiriet oħra għall-ġranet li ġejjin.

Madwar 600,000 turist ġew affettwati mill-falliment ta' din il-kumpanija u bħalissa jinsabu maqbuda f'diversi pajjiżi.

More in Politika