Rabja fost il-gvernaturi tal-Lands għax saru jafu bil-kontenut ta’ ittra lilhom minn fuq il-gazzetta

Diversi qed jippuntaw is-swaba’ lejn id-Deputat tal-PN Ryan Callus li huwa gvernatur tal-istess awtorità 

Teżisti rabja fost il-Gvernaturi tal-Awtorità tal-artijiet għall-mod kif ittra mibgħuta liċ-Chairman tal-Bord tal-Gvernaturi spiċċat f'idejn il-ġurnalist Ivan Camilleri qabel ma biss ġiet diskussa fl-istess bord. 

Dan meta huwa mifhum li l-gvernaturi nfushom mhux kollha setgħu kienu infurmati bil-konentut tal-ittra. Dawk li tkellmu ma’ din il-gazzetta sostnew illi fost dawk li kienu jafu bil-kontenut ta’ din l-ittra kien hemm il-membru tal-bord Ryan Callus. Swaba’ akkużatorji qed jiġu ppuntati lejn Callus u qed jakkużawh illi kien hu li għadda din l-ittra lill-ġurnalist. 

Il-kwistjoni kollha tittratta d-direzzjoni tal-Gvern biex poteri eżekuttivi jgħaddu f’idejn il-Kap Eżekuttiv, James Piscopo bil-għan li l-Board jikkonċentra fuq materji aktar ta' policy u approvar ta' transazzjonijiet importanti. 

Huwa mifhum li din id-direzzjoni waslet fid-dawl tal-fatt illi l-Bord tal-Gvernaturi kien qiegħed jitlaqqa’ sa erba’ darbiet fil-ġimgħa biex ilaħħaq, ħaġa li kull min jaf kif topera awtorità jew kumpanija, jaf tajjeb li dan ikun sintomu ta’ ineffiċjenza u nuqqas serju ta’ separazzjoni bejn l-operat tal-Bord u l-Eżekuttiv. 

Meta mistoqsi mill-gazzetta ILLUM, Piscopo kkummenta hekk: "Il-Bord għad irid jiddiskuti dan kollu, għalhekk se noqgħod lura milli nidħol wisq f'dettall. Iżda konxju li tali deċiżjoni tal-Gvern tfisser mhux biss fiduċja iżda wkoll responsabbiltà li determinat li nġorrha kif dejjem għamilt kull fejn kont. Jeħtieġ li l-Awtorità tkompli timxi ’l quddiem b'mod aktar żvelt u effiċjenti".

James Piscopo
James Piscopo

James Piscopo spjega kif ser ikun qiegħed jippreżenta riżultati pożittivi lill-Board li l-Awtorità kisbet matul l-aħħar 6 xhur iżda kien kawt ħafna fi kliemu, "il-Lands (kif isibuha ħafna) għandha problemi akkumulati fuq għexerien ta’ snin partikolarment backlogs antiki. Bdejna nduru l-kantuniera iżda fadal ħafna xi jsir u dan it-tibdil ġdid se jgħin biex inkunu nistgħu nkomplu ntejbu l-operat.

Ser inkunu qegħdin indaħħlu riformi aktar sinifikanti biex inkunu ta’ servizz aħjar liċ-ċittadini. Irid jispiċċa ż-żmien li klijenti jdumu ma jiġu moqdija s-snin, jew ma jirċevux risposti. Għaddejt dan il-messaġġ anke lill-amministrazzjoni u kull min mhux lest ilaħħaq ma’ dan il-pass, mhux postu fl-Awtorità."

Meta mistoqsi direttament kif ser jassigura kontabbilità u trasparenza Piscopo kien skjett: "illum spiċċa ż-żmien li individwu fl-Awtorità jew Ministru jiddeċiedi hu kif jiddisponi l-Art tal-Gvern. Illum tiddetta l-liġi.

Trasferimenti jsiru biss b'tender pubbliku jew riżoluzzjoni parlamentari jew skont id-dispożizzjonijiet tal-liġi nnifisha u mhux b'mod dirett. Allura hija ħrafa dak li qalet l-Oppożizzjoni li se niddeċiedi kollox waħdi.

Ukoll l-iskrutinju tal-Bord tal-Gvernaturi ser jibqa’ anzi jissaħħaħ, filwaqt li l-liġi tobbligani mmur għand l-Awditur f'każ ta' tranżazzjonjiet ’il fuq minn €100,000. Il-valutazzjonijiet isiru minn 3 periti esterni u mhux internament. Ic-checks and balances huma b'saħħithom ħafna."

Mistoqsi dwar xnigħat ta’ diżgwid bejnu u bejn iċ-Chairman tal-Bord Lino Farrugia Sacco, il-Kap Eżekuttiv ċaħad dawn ix-xnigħat, "mhuwa veru xejn. Kien hemm min kellu interess ipinġiha hekk fil-media iżda dan mhux minnu. Jeżisti rispett kbir min-naħa tiegħi li nemmen li huwa reċiproku."

More in Politika