‘Irridu nuru lid-dinja li aħna tassew jixraqilna l-Indipendenza li ksibna’ – Ġorġ Borg Olivier

55 sena ilu Malta saret Indipendenti, parti minn ħolqa ta’ avvenimenti storiċi li fasslu l-pajjiż u l-poplu li aħna llum

Il-Monument ta' Malta Indipendenti
Il-Monument ta' Malta Indipendenti

Illum pajjiżna ċċelebra 55 sena minn meta kiseb l-Indipendenza, il-21 ta’ Settembru 1964, meta għall-ewwel darba l-Maltin bdew imexxu lil Malta biex b’hekk pajjiżna ma baqax kolonja Ingliża. L-ewwel Prim Ministru ta’ Malta indipendenti kien Ġorġ Borg Olivier, dak iż-żmien ukoll Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Il-ġlieda għall-Indipendenza kienet twila u waslet wara bosta diżgwid kif ukoll wara diversi viżjonijiet fosthom dik tal-eks Prim Ministru Dom Mintoff li kien ħareġ bl-għajta ta’ ‘indipendenza jew integrazzjoni’. Finalment kien sar referendum dwar l-integration, bil-PN jibbojkottjah. Dak iż-żmien 67,607 voti minn popolazzjoni ta’ 152,823 kienu vvutaw favur filwaqt li 62,480 ma marrux jivvutaw.

L-Indipendenza saret possibbli wara referendum dwar il-bidliet fil-kostituzzjoni. Dan kien intrebaħ b’54.5% favur u 45.5% kontra.

Iċ-ċelebrazzjoni tal-Indipendenza tibqa’ ritratt ikoniku ta’ Borg Olivier ixejjer ‘l-istrument tal-Indipendenza’ għall-ferħ u l-emozzjoni ta’ poplu issa indipendenti.

Borg Olivier ixejjer l-Indipendenza
Borg Olivier ixejjer l-Indipendenza

Artiklu ta’ Joe Zahra, eks Editur tan-Nazzjon, fuq The Times jgħid illi dakinhar Borg Olivier qal hekk: “L-indipendenza ma tfissirx li m’għandniex bżonn l-għajnuna, li l-poplu tagħna m’għandux għalfejn jaħdem, li m’għandniex bżonn l-għajnuna. L-indipendenza tfisser li rridu naħdmu aktar u b’aktar rieda għax irridu nuru lid-dinja li aħna tassew jixraqilna l-Indipendenza li ksibna, li aħna nistgħu naħdmu b’mod demokratiku fit-triq tal-liġi u l-ordni, lejn prosperità ekonomika, għalina u għal uliedna.

Naturalment l-Indipendenza kienet parti minn  ħolqa akbar ta’ kisbiet għall-pajjiż, hekk kif il-Kap tal-Istat baqgħet ir-Reġina Ingliża filwaqt li partijiet sħaħ minn Malta baqgħu taħt il-kontroll tal-Ingliżi, li kienu għadhom stazzjonati hawnhekk. B’hekk it-tieni ħolqa fil-katina tal-Indipendenza seħħet fl-1979, dak iż-żmien taħt it-tmexxija ta’ Gvern Laburista mmexxi minn Dom Mintoff.

Matul il-jum tal-lum il-mexxejja politiċi ppreżentaw bukketti tal-fjuri mal-monument tal-Indipendenza biex jitfakkar dan il-jum hekk storiku.

Il-President George Vella jispezzjona l-Gwardja tal-Unur
Il-President George Vella jispezzjona l-Gwardja tal-Unur

More in Politika