Jitlestew u jinfetħu l-ewwel flyovers fil-Marsa ... Ian Borg isejħilha ġurnata storika

L-ewwel flyovers jinfetħu fil-Marsa, bħala parti minn proġett ħafna ikbar

Wieħed mill-flyovers fil-Marsa | Ritratt: Infrastructure Malta
Wieħed mill-flyovers fil-Marsa | Ritratt: Infrastructure Malta

Il-Gvern illum nieda l-ftuħ tal-ewwel flyovers fil-proġett tal-Marsa. 

"Dan li qed naraw illum ilna bżonnu snin sħaħ. L-aħħar darba li sar xi ħaġa hawnhekk kien fl-1997 meta saru l-lights u t-toroq," qal il-Prim Ministru f'referenza għall-proġett fuq din it-triq minn Gvern Laburista, dak iż-żmien immexxi minn Alfred Sant.  "X'hemm isbaħ, lejliet l-Indipendenza, milli nagħtu rigal lil pajjiżna u lin-nies tan-nofsinhar permezz ta' dan il-proġett grandjuż?" staqsa rettorikament Muscat. 

Il-PM appella biex kulħadd joqgħod attent kif isuq u fakkar ukoll li minkejja illi nfetħu dawn iż-żewġ flyovers, il-post xorta għadu sit ta' kostruzzjoni. 

Qal illi minn din il-Junction jgħaddu 100,000 karozza kuljum u l-investiment li se jsir ilaħħaq investiment ta' €70 miljun. "Meta jkun lest il-proġett ikollna inqas traffiku, inqas dħaħen u allura kwalità ta' ħajja aħjar," qal. "Il-proġett tal-Marsa huwa parti minn riġenerazzjoni ħolistika fin-naħa ta' isfel tal-pajjiż, li ilu tant snin jaqla' tant fuq wiċċu." 

Il-Ministru Ian Borg sejjaħ il-ġurnata bħala waħda storika. "Din hija parti minn viżjoni li ma tagħmilx diffferenza bejn il-partijiet ta' Malta," sostna Borg li qal illi ma nistgħux ngħidu li Malta għandha l-aqwa infrastruttura. Borg għamel elenku ta' proġetti ta' toroq madwara il-pajjiż kif ukoll semma' l-miżura ta' trasport pubbliku b'xejn għal sezzjonijiet differenti tal-poplu. 

"Jiena lest li nkompli naħdem taħt id-direzzjoni tal-Prim Ministru," sostna Borg. 

More in Politika