'Għandi fiduċja sħiħa fiċ-Chairman, bord u CEO tal-MFSA' - PM Joseph Muscat

Il-PM Joseph Muscat jgħid li għandu fiduċja fil-Kap Eżekuttiv tal-MFSA, li jinsab fil-mira ta' kritika minn wieħed mid-Diretturi u l-eks Deputat Mexxej Laburista Joe Brincat

Joseph Muscat
Joseph Muscat

F'kummenti lill-ġurnalisti l-Prim Ministru Joseph Muscat qal illi hu għandu fiduċja sħiħa fiċ-Chairman, bord u l-Kap Eżekuttiv tal-MFSA u dan wara kritika qawwija li saret minn Direttur tal-MFSA u l-eks Deputat Mexxej Laburista fuq it-tkeċċija ta' wieħed mill-ħaddiema tal-istess awtorità. 

Il-kwistjoni qamet fuq iċ-Chief Operations Officer Rueben Fenech li tkeċċa wara li kellu xi jgħid mal-Kap Eżekuttiv tal-MFSA Joseph Cuschieri. Għal dan kien offrut €150,000 bħala 'golden handshake'. 

Kien hawn li qam wieħed mill-Gvernaturi tal-MFSA u l-eks Deputat Mexxej Laburista Brincat li sostna illi l-Kap Eżekuttiv ma jistax jaqbad u jagħti flus kif irid, għax dawn ġejjin minn fondi pubbliċi. 

Cuschieri huwa maħtur direttament mill-Gvern. 

F'ittra ġudizzjarja li kiteb Brincat sostna li bħala membru tal-bord għandu d-dmir li jieħu kull pass biex jimblokka kull azzjoni li tista' tkun offiża kriminali. Fakkar illi l-MFSA tiddependi minn fondi pubbliċi allokati mill-Parlament u ħadd m'għandu d-dritt juża tali flus jekk mhux biss bil-permess tal-istess Parlament. 

Il-ħlas lil Fenech, wara l-argument mal-Kap Eżekuttiv mhux kopert mill-Parlament u allura, insista Brincat, dan huwa att kriminali .

Huwa akkuża lil Cuschieri illi ma refax ir-responsabilità tiegħu u ħalla lill-gazzetti u politiċi jattakkaw lill-Gvern, meta jafu li f'dan il-każ il-Gvern ma jaħtix." 

Joe Brincat
Joe Brincat

More in Politika