Analiżi | Minn par għajnejn li raw l-istorja sseħħ ħames snin ilu

Bħal dan ix-xahar ħames snin ilu, l-unjoni ċivili bejn persuni tal-istess sess saret legali biex beda proċess sħiħ li tefa’ lil Malta fil-quċċata tal-lista fir-rigward ta’ drittijiet ċivili. Par għajnejn li raw iċ-ċelebrazzjonijiet fi Pjazza San Ġorġ ħames snin ilu jirrakkontaw u janalizzaw

Xampanja u ċlebrazzjoni .... għaddew ħames snin
Xampanja u ċlebrazzjoni .... għaddew ħames snin

Illum wieħed malajr jaħseb li dejjem konna hekk. Li dejjem konna fost l-aktar pajjiżi liberali fid-dinja, fost l-aktar pajjiżi progressivi u fuq quddiem f’dak li jitratta drittijiet ċivili. Però kif jaf kulħadd, dan mhux il-każ, anzi! Għal ħafna diċenji kważi konna meqjusin pajjiż konfessjonali fejn id-demarkazzjoni bejn l-istat u l-Knisja kienet pjuttost imċajpra. Żwieġ bejn persuni tal-istess żgur illi kien ħolma ’l bogħod mir-realtà għal bosta li qatt ma basru li d-drittijiet tal-ugwaljanza se jkunu rikonoxxuti f’pajjiżna mill-istat.

Illum qed niċċelebraw ħames snin mill-ewwel u probabbilment l-akbar kisba għall-komunità LGBTIQ f’pajjiżna, hekk kif fis-sena 2014 f’Settembru, daħlet fis-seħħ liġi li kienet tagħti d-dritt lil koppja tal-istess sess tintrabat f’unjoni li kienet legalment pari maż-żwieġ ħlief għall-isem.

Kulħadd fi Pjazza San Ġorġ!

Kien April, it-temp kien xi ftit frisk u d-differenza bejn ġewwa l-Parlament u barra ma setgħetx kienet ikbar. Fil-Parlament, dak iż-żmien fil-binja tal-Palazz tal-Granmastru, l-atmosfera kienet pjuttost deċiżiva, bin-naħa tal-Gvern, b’mod speċjali l-eks Ministru Helena Dalli ġubilanti diġà hekk kif kien riesaq il-mument tal-verità.

Barra iżda l-atmosfera kienet differenti. Kienet atmosfera ta’ festa, b’ħornijiet idoqqu, mużika għaddejja u folla tinġabar u tikber.

Kien kważi mument surreali; kif jista’ jkun qegħdin hawn? Kif jista’ jkun wasalna sa hawn? Min qatt kien jimmaġina li konna se naslu sa hawn?

Fil-pjazza stajt nara nies differenti; persuni gay, familji tagħhom, ħbieb tagħhom, Nazzjonalisti, Laburisti, attivisti tal-Alternattiva Demokratika, tfajliet, ġuvintur, nies li qatt ma dehru f’attività pubblika, persuni trans ... ilkoll lesti biex jiċċelebraw dan il-mument partikolari.

Niftakarni nitlaq mill-istrangers gallery, mimlija b’nies li kont iltqajt magħhom fil-mixja tiegħi fl-2013, fil-kampanja tal-Partit Laburista illi matulha jiena kont ikkampanjajt bil-qawwa kollha u bi kburija favur l-ugwaljanza u ż-żwieġ ugwali, ninżel it-taraġ niġri u mort ħdejn il-bieb prinċipali tal-Parlament, bil-bitħa fl-entratura warajja. Hemmhekk qgħadt ninnota lid-Deputati ħerġin u r-reazzjoni tan-nies fuq barra.

L-ewwel pass, li wassal għal ħafna oħrajn
L-ewwel pass, li wassal għal ħafna oħrajn

Il-vot: Gvern favur, l-Oppożizzjoni xi mkien fin-nofs

Ftit qabel id-Deputati kienu vvutaw. Id-Deputati tal-Partit Nazzjonalista laħqu dak li ssejjaħ bħala kompromess, li ġie wara diversi theddid ta’ riżenji u pożizzjonijiet kontra. Fil-fatt, dak iż-żmien bħala ġurnalist mal-Union Print, konna ppubblikajna storja esklussiva li kienet tgħid illi d-Deputati Beppe Fenech Adami u Claudio Grech, kienu fost l-aktar Deputati illi kienu iebsin fuq il-pożizzjoni tagħhom kontra din il-liġi, kollha kemm hi. Saħansitra, Grech kien qal illi jirriżenja jekk il-partit jivvota favur din  il-liġi.

Il-qasma fil-ħsieb ma setgħetx ħarġet iktar ċara fl-espressjoni ta’ wiċċ id-Deputata Claudette Buttigieg li kienet ix-shadow Minister tal-Ugwaljanza.

Fil-fatt dakinhar il-Grupp Parlamentari Nazzjonalista kien ħareġ mill-Parlament għad-diżapprovazzjoni massiċċa tal-folla preżenti, wieħed mill-iktar mumenti umiljanti għall-PN fl-aħħar snin.

Dakinhar, fil-fatt, Claudette Buttigieg kellha tindirizza l-folla, li ddeskriviha bħala ‘rrabjata’. “Imweġġa’ bil-kbir,” sostniet, “imma naħseb il-preżenza tiegħi kienet toffendi lill-folla aktar.”

Fl-ewwel reazzjoni tiegħu l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal illi l-PN kien favur l-introduzzjoni tal-unjoni ċivili imma kontra l-adozzjoni minn koppji LGBTIQ. Dakinhar, kien fakkar, 80% tal-poplu kien kontra l-adozzjoni minn koppji LGBTIQ.

Busuttil kien fakkar illi l-ebda persuna m’għandha dritt awtomatiku għal adozzjoni, la jekk eterosesswali u lanqas omosesswali.

Fir-realtà kien jidher ċar li din tal-adozzjoni, li ta’ min ifakkar, ma kinitx wegħda tal-Partit Laburista u allura, teknikament, ma kellux mandat biex idaħħalha, kienet mossa politika u strateġija eċċellenti ta’ Muscat.

Il-PM kien jaf, ben fatt, illi  filwaqt li l-PN seta’ jasal biex jivvota favur unjoni ċivili b’xi ftit jew wisq tqanżih, ma kien qatt se jaċċetta li jivvota favur l-adozzjoni.

U fil-fatt kienet strateġija li ħadmet.

Politikament u suġġettivament, għadni nqis dak il-jum storiku f’April bħala l-apiċe politiku ta’ Gvern Laburista mmexxi minn Joseph Muscat u soċjalment wieħed mill-akbar passi li qatt saru f’pajjiżna.

Konxju iżda li dan mhux is-sentiment ta’ dawk li dakinhar, ’il bogħod minn Pjazza San Ġorġ mill-kwiet ta’ darhom kienu qed iħossu li huwa l-bidu tat-tmiem tal-valuri morali ‘Kristjani’ u ‘Kattoliċi’ u ‘Maltin’ li sawruna. Ġimagħtejn ilu, din il-gazzetta ppubblikat analiżi li tat ħarsa lejn ir-reazzjoni u l-paniġierkru nnifsu tal-Prepostu ta’ Birkirkara. F’dak l-analiżi konna għidna illi minkejja tibdiliet kbar fuq il-karta u l-appoġġ ta’ bosta, f’pajjiżna xorta għad hawn sezzjoni ta’ votanti, kemm hemm ma nafux eżatt, li raw id-dħul tal-Unjoni Ċivili bħala xi ħaġa negattiva u li wasslet għal katina ta’ “reazzjonijiet”, fosthom L-Att dwar l-Identità tal-Ġeneru, żwieġ ugwali bejn persuni tal-istess sess u finalment il-biża’ li maż-żmien jiddaħħal l-abort.

Simon Busuttil jiddikjara li l-Oppożizzjoni se tastjeni minħabba l-adozzjoni
Simon Busuttil jiddikjara li l-Oppożizzjoni se tastjeni minħabba l-adozzjoni

Ir-reazzjoni tal-folla. Ċapċip u diżapprovazzjoni

Kont fil-kantuniera tal-kuritur li jwassal għall-bieb ta’ barra tal-Palazz u nara lil numru ta’ nies neżlin it-taraġ, iħaffu l-pass u bi tbissima minn naħa sa oħra ta’ wiċċhom, b’Helena Dalli f’nofshom. Fosthom niftakar ċar lil Joseph Bruno Vella, li miegħi kien jifforma parti mill-LGBT Labour fis-snin qabel l-2013, Cyrus Engerer, li kien għadu frisk fil-memorja bħala Kunsillier Nazzjonalista u lil Silvan Agius uffiċjal fil-Ministeru ta’ Helena Dalli u li kont niftakru kandidat tal-Alternattiva Demokratika ftit snin qabel biss, f’San Pawl il-Baħar.

Kellhom għaliex ikunu sodisaffatti u fil-fatt il-folla ta’ barra ma ħalliet ebda dubju minn dan. Malli feġġew fil-bieb, Dalli u dawk madwarha, il-folla ntilfet f’ewforija ta’ ċapċip u għajjat.

Minn hemmhekk kulħadd tefa’ ħarstu lejn il-palk fejn diversi persuni għamlu diskors f’din il-ġurnata hekk storika. Niftakar ċar. Kont taħt il-palk. Kien hemm Albert Buhagiar, dj lokali u popolari u l-preżentatur televiżiv popolari wkoll Ray Calleja, jippreżentaw lil dawk li bdew jiġu jitkellmu. U bdew ġejjin, wieħed, wieħed u waħda, waħda.

Il-PM Joseph Muscat mdawwar b'Helena Dalli u Cyrus Engerer, fost oħrajn
Il-PM Joseph Muscat mdawwar b'Helena Dalli u Cyrus Engerer, fost oħrajn

X’qalu dakinhar fi Pjazza San Ġorġ ...

Gabi Calleja mill-Malta Gay Rights Movement (MGRM) qalet illi dak il-mument “lanqas konna noħolmuh.”

“Wasalna sa hawn minkejja li hawn min jaħseb illi persuni LGBTIQ ma ħaqqhomx l-istess drittijiet, minkejja dawk li jgħidu li affarijiet bħal żwieġ u familja ma jgħoddux għal persuni LGBTIQ,” kienet sostniet Calleja.

Arnold Cassola, dak iż-żmien Chairperson tal-Alternattiva Demokratika sostna li għandna nikkonfondu bil-mibegħda, mhux bl-imħabba.

L-eks Ministru Helena Dalli qalet illi l-Gvern kien beda dan il-proċess minn pożizzjoni ta’ umiltà filwaqt li l-Prim Ministru sostna illi dakinhar, “għażilna l-futur sabiħ ta’ pajjiż, liberali, progressiv u Ewropew. Qalulna li 80% tal-Maltin huma kontra,” sostna Muscat. “Jiena kburi li jien parti mill-20% l-oħrajn.”

“Dak li qed nagħmlu qed nagħmluh għal uliedna, qed nagħmilha għal uliedi, biex meta jikbru jgħixu f’pajjiż tal-ugwaljanza,” temm jgħid Muscat.

Wara d-diskorsi kulħadd beda sejjer lura d-dar jew inġabar f’xi wieħed mid-diversi barijiet fit-toroq tal-madwar jitkellem b’sodisfazzjon fuq dak li kien għadu kif esperjenza u l-kapitlu ġdid li kien għadu kif infetaħ, ta’ Malta aktar liberali u progressiva.

L-effetti politiċi u soċjali ta’ dan il-jum storiku

Iżda ladarba iċ-ċapċip u l-ferħ ma baqgħux, beda l-effett ta’ din il-bidla fil-liġi. L-effett tal-liġi fil-fatt jista’ jinqasam fi tnejn. L-ewwel nett il-bidla ħafna iktar rapida u effettiva fil-mentalità tal-poplu u l-aċċettazzjoni ta’ persuni LGBTIQ bħala parti perfetta minn mużajk sħiħ tas-soċjetà. It-tieni bidla hija dik li wasslet għal liġijiet oħrajn.

Meta nitkellmu fuq il-mentalità f’pajjiż bħal Malta rridu naħsbu f’raħal żgħir fejn kulħadd jaf lil kulħadd, fejn kulħadd għandu bżonn lil kulħadd u fejn se tiġi f’kuntatt ma’ kulħadd. Ma jfissirx li kulħadd iħobb lil xulxin u jgħix f’armonija perfetta, imma tfisser li hemm tolleranza ikbar tad-differenzi ta’ xulxin. Kuntrarjament, l-uman huwa inqas tolleranti lejn dak li ma jafx u li jħoss li qatt mhu se jkollu bżonn jikkomunika miegħu f’ħajtu.

Malta hija bħal dak ir-raħal iż-żgħir, fejn ħafna għandhom ħabib jew kollega jew xi ħadd fil-familja li huwa LGBTIQ. Dan espona lil ħafna iktar Maltin għal din ir-realtà u f’soċjetà fejn il-Knisja Kattolika tilfet ħafna mill-vuċi li xi darba kellha, it-tolleranza żdiedet u magħha r-rieda li kulħadd ugwali u l-istess f’għajnejn il-liġi.

Din kienet ir-realtà opportuna biex politiku, f’dan il-każ Joseph Muscat, jikkapitalizza fuq dan is-sentiment. Fil-fatt, Muscat għamel ċar illi Gvern Laburista se jmexxi favur drittijiet ċivili u kienet ċara kristall li se tidħol l-unjoni ċivili u llum kulħadd jammetti li din il-wegħda attirat numru kbir ta’ voti ta’ persuni LGBTIQ u familji tagħhom, lejn il-Partit Laburista li forsi sa qabel ma kinux jivvutaw Labour.

Tajjeb wieħed ifakkar fl-ironija storika tal-fatt illi dak li qabel u għal ħafna snin kien meqjus bħala assigurazzjoni ta’ telf ta’ voti (li tkun favur drittijiet ta’ persuni LGBTIQ), illum sar garanzija ta’ rebħ ta’ voti.

Kif inhi ironija wkoll wara kollox li ż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess kien użat mill-Malta Labour Party (MLP) kontra s-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea, l-istess partit li llum sar assoċjat mad-drittijiet ċivili.

Il-bidla kbira, għall-aħjar, fil-mentalità ma tfissirx li m’għadx hawn problemi u sfidi ta’ diskriminazzjoni, speċjalment fejn jirrigwarda persuni trans. Ifisser iżda illi il-pajjiż għamel passi kbar ’il quddiem biex sar ħafna aktar progressiv u tolleranti.

Finalment, din il-liġi wasslet għal oħrajn, primarjament l-Att dwar l-Identità tal-Ġeneru u l-liġi għaż-żwieġ ugwali fl-2017.

Kollox iżda beda fi Pjazza San Ġorġ fl-14 ta’ April 2013 u f’Settembru meta l-unjoni ċivili saret liġi, uffiċjalment. Ħames snin ilu, kien il-mument li fassal l-istorja, li wassal għal tant emozzjoni u li bagħat messaġġ ċar: Kulħadd huwa l-istess f’għajnejn il-liġi, kull imħabba hija ugwali.

More in Politika