Il-PN iħawwel siġra għal kull sena li għaddiet mill-Indipendenza - 55 b'kollox

Adrian Delia qal li l-inizjattiva tal-PN qed issir f'ambjent li kull ma jmur, qed jinqered bi żvilupp bla pjan, tqaċċit ta' eluf ta' siġar, aktar dħaħen tal-karozzi u aktar konġestjoni.

Adrian Delia jħawwel 55 siġra maż-żgħażagħ
Adrian Delia jħawwel 55 siġra maż-żgħażagħ

"Il-Gvern Laburista ġelled l-ekonomija mal-ambjent u ħoloq pajjiż b'rata allarmanti ta' tniġġis u konġestjoni.", hekk qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt attività organizzata mill-Partit Nazzjonalista fejn tħawwlu 55 siġra f'Wied Għollieqa, parti mill-attivitajiet fl-okkażjoni tal-55 sena mill-kisba tal-Indipendenza.

Delia spjega kif il-Partit Nazzjonalista, poġġa fuq nett tal-aġenda politika tiegħu l-ħtieġa ta' kwalità ta' ħajja aħjar għall-Maltin u l-Għawdxin kollha, "u dan f'ambjent li kull ma jmur, qed jinqered bi żvilupp bla pjan, tqaċċit ta' eluf ta' siġar, aktar dħaħen tal-karozzi u aktar konġestjoni." Huwa fakkar kif ċifri maħruġa mill-Eurostat ftit tal-ġimgħat ilu juru kif il-Maltin huma l-iżjed esposti għat-tniġġif fl-arja fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea. Wara dawn ic-cifri hemm iktar minn 570 persuna li qegħdin imutu f'Malta kull sena kawża tat-tniġġiż eżaġerat fl-arja u l-mard respiratorju li dan iġib miegħu. Dawn kollha huma mard u imwiet li jistghu ikunu evitati," qal il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Delia qal illi kienu gvernijiet Nazzjonalisti li biddlu wiċċ pajjiżna għall-aħjar bi żvilupp ta' industriji ġodda u li, skontu, għadhom qegħdin irendu sal-lum. 

Jakkumpanjaw lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia waqt din l-attività kien hemm il-Viċi Kap għall-Affarijiet Parlamentari David Agius, is-Segretarju Ġenerali Clyde Puli, il-Whip tal-Grupp Parlamentari Robert Cutajar, Deputati Parlamentari, kandidati, membri tal-fergħat diversi tal-PN u ħaddiema tal-Media.Link Communications.

More in Politika