Casa jgħid li Daphne setgħet ma nqatlitx kieku l-istituzzjonijiet iġġieldu l-ħasil tal-flus

David Casa ġie magħżul mill-PPE biex ikun il-kelliem ewlieni kontra l-ħasil tal-flus fi ħdan il-kumitat parlamentari għall-affarijiet ekonomiċi u monetarji

Il-Ewroparlamentari David Casa ġie magħżul mill-Partit Popolari Ewropew biex ikun il-kelliem ewlieni kontra l-ħasil tal-flus fi ħdan il-kumitat parlamentari għall-affarijiet ekonomiċi u monetarji.

"Ma nistgħux nistennew li negozji onesti jaderixxu ma' regoli stretti ta' kontra l-ħasil tal-flus stretti filwaqt li l-kbarat u l-korrotti jimxu bħal romblu fuq iċ-ċittadini tagħna,” saħaq David Casa.

Fi stqarrija, intqal kif din il-ħatra ta’ David Casa seħħet ftit wara diskors li għamel waqt is-sessjoni plenarja tal-Parlament Ewropew fi Strasburgu, li matulha rrefera għall-qtil tal-ġurnalista investigattiva Daphne Caruana Galizia. 

"Kieku l-istituzzjonijiet kienu iktar effettivi fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, Daphne Caruana Galizia, illum setgħet kienet magħna," Casa.

Huwa saħaq li ħafna mill-istituzzjonijiet jagħmlu l-investigazzjonijiet tagħho,imma jfallu wkoll. 

“U meta dawn ifallu u ma jinvestigawx jew ma jipproġedux fuq każijiet ta’ ħasil tal-flus, ikollhom ikunu l-whistleblowers u l-ġurnalisti investigattivi li jirriskjaw ħajjithom biex jikxfu dan kollu. Kollha kemm aħna nafu x’ġara minn ġurnalisti bħal Daphne Caruana Galizia u Jan Kuciak,” qal il-MPE David Casa.

Ir-rwol il-ġdid ta' Casa jinvolvi l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-ħames direttiva kontra l-ħasil tal-flus u li jmexxi d-dibattitu f'isem il-Grupp PPE dwar kwalunkwe reviżjoni tal-leġiżlazzjoni attwali.

More in Politika