Scicluna kien ammetta mal-eks sieħba tiegħu illi kien involut f'hit and run fuq iswed

L-eks sieħba ta' Lorin Scicluna tgħid illi dan kien ammetta s-sehem tiegħu f'ħit and run ta' raġel iswed iżda kien qalilha li dan baqa' ħaj

Lorin Scicluna u Francesco Fenech
Lorin Scicluna u Francesco Fenech

Eks sieħba ta' wieħed miż-żewġ suldati akkużati bi qtil razzjali lura f'April f'Birżebbuġa, qalet lill-Qorti kif sabitha stramba li f'numru ta' okkażjonijiet l-għarus tagħha kien isir vera rrabjat dwar l-immigranti u jgħid li dawn iridu jmexxuna. 

Is-suldati Francesco Fenech ta' 21 sena u Lorin Scicluna ta 22 sena qed ikunu akkużati bil-qtil ta' Lassana Cisse Souleyman ta' 42 sena f'Birżebbuġa. Huma qed ikunu akkużati wkoll bl-attentat ta' qtil ta' żewġ immigranti oħrajn mill-Gambja. Huma qed jiċħdu l-akkużi miġjubin kontrihom. 

"Kien jgħid ara x'inhu liebes", qalet l-eks sieħba ta' Lorin Scicluna fil-Qorti llum.  Sostiet illi r-rabja tiegħu kienet iddirezzjonata lejn persuni suwed. 

Hi qalet illi magħha kien ammetta li kien involut f'inċident hit and run ta' immigrant, li hu kien qalilha li reġa ġie f'sensih wara l-inċident. Qalet illi, partikolarment, ma tantx kellha grazzja ma' Fenech u kienet tilmenta kull darba li jkun se joħroġ magħhom.  

Hi infaqgħet tibki meta kienet mitluba, mill-avukat difensur Franco Debono, biex tiddeskrivi r-relazzjoni tagħha mal-akkużat. 

"Aħna kellna relazzjoni tajba. Inħobb din il-familja," qalet imbikkma, filwaqt li anke Scicluna beda jibki.

Ix-xhud kompliet tgħid illi ħafna drabi hu kien jinsisti biex isuq, xi ħaġa li mistennija tintuża mid-difiża biex tipprova illi mhux hu spara fuq Lassana, imma Fenech

Il-Qorti m'aċċettatx it-talba għal ħelsien mill-arrest bl-Avukat Ġenerali jfakkar illi għad hemm xhieda x'jixhdu u li dawn iż-żewġ irġiel għandhom ċans jispiċċaw jaqilgħu sentenza ta' għomor il-ħabs.

Il-Prosekuzzjoni qed titmexxa mill-spettur Keith Arnaud filwaqt li l-avukati Franco Debono, Kris Busietta u Julian Farrugia qed jidhru għal Scicluna. L-avukati Gianella DeMarco u Stephen Tonna qed jidhru għal Fenech, 

L-avukat Arthur Azzopardi qed jidher parte civile.

More in Politika