Imma ħmieġ li rajna fil-baħar is-Sibt mill-irziezet tal-ħut jew le? L-ERA tikkjarifika

L-ERA tispjega d-differenza bejn ragħwa fil-baħar li hija naturali u ħmieġ kkawżat mill-uman ...

Fi stqarrija, wara diversi dubji dwar dak li deher bħala ħmieġ mill-irziezet tal-ħut fil-baħar madwar il-gżejjer, l-ERA spjegat u għamlet kjarifika. 

L-ERA fakkret li hemm diversi fenomeni li jwasslu għal formazzjoni ta' ragħwa fuq il-baħar, simili għal dak li bosta raw mal-kosta nhar is-Sibt li għadda. L-ERA qalet li dan it-tip ta' ragħwa huwa naturali u huwa riżultat ta' alka mikroskopika li tirrilaxxa aġenti naturali li jwasslu għal dan ir-ragħwa. Dan fil-fatt deher kemm f'pajjiżna u anke madwar il-Mediterran u lilhinn. Hemm fenomeni oħrajn li jistgħu jwasslu għal din ir-ragħwa u li huma naturali.

Minn naħa l-oħra, spjegat l-ERA, żejt jew ħama mill-irziezet tal-ħut jew sorsi oħrajn magħmulin mill-bniedem ġeneralment iwasslu għal irwejjaħ jintnu. Mhux eskluż li jkun hemm okkażjonijiet fejn dawn iż-żewġ tipi ta' ragħwa jiltaqgħu u jitħalltu, għad-detriment dejjem tal-baħar. 

L-ERA fakkret illi l-irziezet tal-ħut isiru spezzjonijet fihom tliet darbiet fil-ġimgħa biex ikun assigurat li l-kundizzjonijiet tal-permess qed ikunu segwiti. Biċċiet tal-ħut li jirriżultaw mill-proċess tal-ikel huma miġbura minn vapur li jkun madwar il-gaġġeġ. L-ERA qalet ukoll illi wara diskussjonijiet mal-operaturi tal-Irziezet tat-Tonn, il-modi ta' kif jingħataw l-ikel il-ħut tjieb, bir-riżultat li kien hemm "tnaqqis drastiku" f'ilma li jinħall u żjut tal-ħut li jingħataw għall-ikel. 

More in Politika