L-MFSA twieġeb u tisħaq li l-fondi tagħha jintużaw kif suppost

Dan wara l-aħħar allegazzjonijiet fil-konfront tagħha u l-protest ġudizzjarju miftuħ mill-eks Ministru Laburista Joe Brincat

L-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji saħqet li l-fondi amministrati minnha jintużaw esklussivament għall-funzjonijiet u l-operat tagħha.

L-MFSA qalet dan fi stqarrija qasira wara li din il-ġimgħa, wieħed mill-Gvernaturi tagħha, l-eks Ministru Laburista u l-Avukat Joe Brincat, fetaħ protest ġudizzjarju li fih qed iżomm responsabbli lill-Kap Eżekuttiv tal-istess Awtorità.

Fiha huwa jagħmel referenza għall-pagamenti mogħtija lil wieħed mill-uffiċjali tagħha.

Fi stqarrija, l-MFSA qalet biss li ma tħossx li għandha tikkummenta fil-pubbliku dwar dak li dwaru qed tinvestiga l-Qorti.

Qalet biss li l-fondi tagħha jintużaw kif suppost u li se tibqa’ ffukata biex timplimenta l-viżjoni u l-istrateġija tagħha.

Intant, il-Partit Nazzjonalista se jkun qed jitlob lill-Kumitat Parlamentari għall-Kontijiet Pubbliċi biex jiddiskuti l-aħħar allegazzjonijiet.

More in Politika