'M'għandniex x'naħbu u l-inkjesta pubblika se nħabbruha daqt' - Muscat dwar il-qtil ta' Daphne

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal illi l-Gvern dalwaqt se jħabbar it-tnedija ta' inkjesta pubblika fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, hekk kif mitlub minn riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew

Il-PM Joseph Muscat | Ritratt ta' James Bianchi
Il-PM Joseph Muscat | Ritratt ta' James Bianchi

Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal illi l-Gvern dalwaqt se jħabbar it-tnedija ta' inkjesta pubblika fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, hekk kif mitlub minn riżoluzzjoni tal-Kunsill Ewropew f'Ġunju li għadda. 

Il-Kunsill ta lil Malta tliet xhur ċans biex tibda din l-inkjesta, żmien li jagħlaq fis-26 ta' Settembru. "Meta jasal iż-żmien, inħabbru" qal Muscat hekk kif kien ħiereġ mill-laqgħa tal-Kabinett li dalgħodu saret f'Santa Venera. 

"Aħna m'għandna xejn x'naħbu. Imma rridu nkunu ċerti illi inkjesta pubblika ma tippreġudika l-ebda każ ieħor. Sa issa jidher li lħaqna dan il-bilanċ."

"Filwaqt li għandi r-riservi dwar il-metodoloġija wżata mir-rapporteur, għandi rispett kbir lejn il-Kunsill tal-Ewropa," sostna l-PM. 

Ir-rapporteur kien Pieter Omtzigt, Deputat Olandiżtal-Parlament Ewropew  u dan kiteb rapport pjuttost skjaċċanti dwar pajjiżna illi fih wera tħassib għan-nuqqas ta' talba mill-pulizija Maltija biex ikollha aċċess għal informazzjoni li hemm fil-laptop li kienet tuża Daphne Caruana Galizia u li qiegħed għand il-Pulizija Ġermaniża kif ukoll dak illi ddeskriva bħala stqarrijiet "infjammatorji u mimlijin qerq" minn persuni qrib Muscat. Huwa għamel ukoll l-allegazzjoni serja illi s-servizzi ta' sigurtà Maltin kienu jafu bil-qtil qabel fil-fatt dan seħħ. 

More in Politika