‘Jekk il-banek saru problema allura l-istat għandu jkun is-soluzzjoni’ jisħaq Bedingfield

Id-Deputat Laburista Glenn Bedingfield jgħid li għandu jkun hawn bank simili għal-Lohombus sabiex il-koppji żgħażagħ ikunu jistgħu jsiru sidien ta’ darhom

F’kummenti li ta lill-gazzetta ILLUM, id-Deputat Laburista Glenn Bedingfield qed jipproponi t-twaqqif ta’ Lohombus, bank ieħor sabiex jgħin lil koppji żgħażagħ isiru sidien ta’ darhom.

“Għandu jkun hawn bank bħalma kien il-Lohombus minħabba li l-banek kummerċjali saru wisq riġidi biex jagħtu loans,” saħaq id-Deputat Laburista.

Il-Lohombus kien bank li joffri self lill-koppji żgħażagħ sabiex isiru sidien ta’ darhom. Is-self kien wieħed b’rata ta’ interess minima u b’sussidju mill-Gvern.

Skont Bedingfield, ħafna koppji żgħażagħ mhux qed ikollhom l-opportunità li jieħdu self mill-banek sabiex jixtru proprjetà u jiksbu l-istabbilità neċessarja f’ħajjithom.

“Jekk il-banek saru problema, allura l-istat għandu jkun is-soluzzjoni biex f'pajjiżna kulħadd ikollu l-opportunità jkun sid ta' daru u jgħix ħajja stabbli,” argumenta d-Deputat Laburista.

Mal-ILLUM huwa għamel referenza wkoll lejn statistika dwar il-faqar f’pajjiżna li kienet ippubblikata ftit żmien ilu.

“Huwa ta' sodisfazzjoni li ġie rreġistrat tnaqqis fin-numru ta' nies li qed jgħixu fil-faqar. Dan ifisser li l-politika tal-Gvern qed tħalli effett dirett fuq il-ħajja tan-nies. Iżda billi għad għandna ammont ta' nies li għadhom fil-periklu tal-faqar irridu naħdmu iktar,” sostna Bedingfield.

Fuq l-istess nota huwa jemmen li l-Gvern għandu jħares lejn il-ġlieda kontra l-faqar bħala pajjiż sħiħ mhux biss bħala Gvern, u nindirizzaw dawk l-oqsma fejn hemm problemi.

“Il-qasam tal-kera huwa problema għal ħafna nies. Bħalissa mill-Parlament qed ngħaddu liġi ġdida tal-kera li se tkun qed iddaħħal regoli ġodda, pass fid-direzzjoni t-tajba,” temm jgħid id-Deputat Laburista.

More in Politika