Rapport tad-DIER juri kif 60% tal-fiżjoterapisti fis-settur pubbliku huma membri tal-MUMN

Imma 58% tal-1,115-il ħaddiem meqjusin bħala Allied Health Professionals huma ħaddiema tal-UĦM. Dan qed iqajjem inkwiet u battibekki bejn iż-żewġ unjins. Imma għaliex?

Eżerċizzju magħmul mid-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tax-Xogħol (DIER),  u li għandha f’idejha l-gazzetta ILLUM, tikkonferma illi l-Malta Union of Midwives and Nurses, hija l-unjin li għandha l-maġġoranza fost il-fiżjoterapisti li jaħdmu mas-servizz pubbliku. 

Fil-fatt id-DIER f’komunikat, sostna illi mil-listi mogħtija mill-Union Ħaddiema Magħqudin – Voice of the Workers jirriżulta li hemm 282 fiżjoterapista li jaħdmu mas-settur pubbliku. Minn dawn, 168 huma membri tal-MUMN, li jfisser maġġoranza assoluta u kbira ta’ 60%. 

Min-naħa l-oħra, huma biss 40 fiżjoterapista li huma membri tal-UĦM, jew inkella 14%. 

Dan jitfa’ f’aktar perspettiva l-kwistjoni bejn iż-żewġ unjins li t-tnejn qed jisħqu li għandhom ir-rikonoxximent tal-ħaddema inkwistjoni. 

Minkejja li d-differenza fin-numru ta’ ħaddiema msieħba mal-MUMN u l-UĦM hija enormi, din tal-aħħar qed tikkontesta dan minħabba li l-fiżjoterapisti huma Allied Health Professionals. L-Allied Health Professionals huma grupp ta’ ħaddiema li jinkludu fiżjopterapisti, podoliġisti u lab techinicians. Bħala grupp, il-maġġoranza tal-ħaddiema jinsabu msieħba mal-UĦM. 

Id-DIER ikkonferma li b’kollox bħala Allied Health Professionals hemm b’kollox 1,115-il ħaddiem. Minn dawn 635 ħaddiem huma membri tal-UĦM. Dan huwa 58%. 

Id-DIER, fil-komunikat tiegħu lill-partijiet konċernati, fakkar illi fl-2016 l-MUMN kienet rikonoxxutra bħala l-unjin li għandha l-maġġoranza tal-fiżjoterapisti. 

Mal-ILLUM il-President tal-MUMN Paul Pace, staqsa għaliex din il-kwistjoni qed tittawwal bla bżonn meta huwa ovvju li l-fiżjoterapisti jixtiequ illi jkunu membri tal-MUMN. 

Intant nhar il-Ġimgħa filgħaxija, fi żvilupp ieħor minn din l-istorja, il-UĦM waqqfet id-direttivi li kienet għaddejja bihom u li kienu se jwasslu biex numru ta’ operazzjonijiet ikunu posposti. 

Dan hekk kif l-istess unjin kellha laqgħa mal-Prim Ministru illi matulhakemm min-naħa tal-Gvern kif ukoll min-naħa tal-UĦM, saru diversi argumenti dwar din il-kwistjoni b’uħud minnhom ta’ natura legali. 

Il-UĦM fakkret li r-rapport maħruġ mid-DIER ikkonferma li hi għandha 58% tal-ħaddiema bħala Allied Health Professionals.

Fi stqarrija maħruġa l-Ġimgħa filgħaxija, l-union qalet li n-naħa tal-Gvern ippruvat tara, b’diversi tentattivi, kif tista’ ssib żblokk għal din is-sitwazzjoni u, wara laqgħa ta’ madwar siegħa, il-Prim Ministru kkomunika mal-UĦM li sal-aħħar ta’ dan ix-xahar se tingħata deċiżjoni finali dwar din il-kwistjoni.

Il-UĦM kienet ordnat 219-il direttiva li kellhom ikunu segwiti minn diversi ħaddiema, f’setturi differenti tal-qasam.

More in Politika