'Ħassejtni nitkellem ma' xi ħadd li jifhem sew il-ħajja tal-Maltin' - George Vella

Il-President Vella jiltaqa' mal-Papa u jġedded l-istedina biex il-Papa Franġisku jżur Malta

Il-President George Vella dalgħodu kellu udjenza privata mal-Papa Franġisku fil-Vatikan.

Wara l-laqgħa privata, il-Papa ltaqa' wkoll mad-delegazzjoni Maltija li qed takkumpanja lill-President, inkluż ma' martu Miriam Vella u uliedu Claire, Elaine u George.

F’kumment wara l-udjenza mal-Papa, il-President Vella esprima sodisfazzjon għal-laqgħa li kellu u ddeskriva lill-Papa bħala persuna tassew qrib il-poplu.

Il-President Vella qal li ħassu qed jitkellem ma’ xi ħadd li jaf u li jifhem sew il-ħajja u l-kultura tal-poplu Malti.

Vella ġedded l-istedina biex il-Papa Franġisku jżur Malta.

Fi tmiem din l-udjenza privata, sar l-iskambju tar-rigali. Il-President, f’isem il-poplu Malti ppreżenta lill-Papa kwadru tal-Madonna Ta’ Pinu magħmul b’teknika tal-mużajk kontemporanju miċ-ċentru arti liturġika Eikon tad-Djoċesi ta’ Għawdex.

Vella ltaqa' wkoll mas-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan, il-Kardinal Pietro Parolin u s-Sotto Segretarju tal-Istat tal-Vatikan Monsinjur Antoine Camilleri.

Il-President qal li l-Kardinal Parolin wera apprezzament għal kif Malta qed tindirizza l-kwistjoni tal-immigrazzjoni fl-aħħar snin.

Il-Kardinal Parolin wera wkoll l-apprezzament tas-Santa Sede għall-impenn li ħa l-Gvern Malti li jestendi l-finanzjament ta’ laptops fl-iskejjel tal-Knisja fl-interess tat-tfal kollha.

Bħalissa l-President jinsab fuq żjara f'Ruma, fejn se jkun qed jiltaqa' wkoll mal-President Sergio Mattarella.

More in Politika