L-Air Malta tgħid li bejn is-Sibt u l-Ħadd 13-il bdot ċemplu ma jifilħux

Il-Linja tal-Ajru tikkundanna imġieba minn ċertu bdoti u tiddeskriviha bħala inaċċettabbli

Il-Linja Nazzjonali tal-Ajru, l-Air Malta qalet li fl-aħħar tmiem il-ġimgħa, 13-il bdot ma rrapportawx għax-xogħol għax qalu li kienu ma jifilħux u dan kellu konsegwenzi fuq numru ta’ titjiriet.

L-Air Malta qalet dan fi stqarrija b’referenza għal dak li qalet l-ALPA aktar qabel, jiġifieri li n-nuqqas ta’ bdoti wassal biex titjira lejn Palermo, nhar it-Tnejn li għadda, ittardjat b’aktar minn 17-il siegħa.

Skont l-ALPA, dan irriżulta minn “investigazzjoni interna” li saret mill-Assoċjazzjoni tal-Bdoti.

Il-Unjin tal-Bdoti ħarġet b’din l-istqarrija wara dak li ġie rrapportat fuq il-MaltaToday, jiġifieri li titjira minn Palermo ttardjat minħabba li bdot mar jixtri l-fjuri, xi ħaġa li l-Unjin qed tiċħad kategorikament.

Madanakollu, l-Air Malta baqgħet tinsisti li jiddispjaċiha ħafna dwar il-mod kif ċertu bdoti qed iġibu ruħhom, anke jekk saħqet li ħafna bdoti jirrispettaw lil-Linja Nazzjonali tal-Ajru.

Fi kliemha, l-imġieba ta’ ċertu bdoti, hija "inaċċettabbli."

L-Air Malta saħqet kif minħabba dawn il-kwistjonijiet, ħafna mill-ħin tat-tmexxija qiegħed jispiċċa jkun iffukat biss biex jiġu solvut dan it-tilwim industrijali, li fi kliemha, ma jagħmilx sens.

Temmet tfakkar li min-naħa tagħha u sa fejn taf, laħqet qbil mal-ALPA fuq il-kwistjonijiet kollha. 

“Fil-fatt l-Air Malta aċċettat u għadha qed tistenna li tiffirma l-ftehim propost u li ntbagħat lill-ALPA fid-29 ta’ Ġunju. Ir-realtà hija li l-ALPA għadha qed tinsisti għall-garanzija mill-Gvern ta’ €700,000 bħala parti minn skema ta’ irtirar kmieni għall-bdoti,” fakkret il-Linja tal-Ajru.

More in Politika