Il-Kaos ta’ Marsaxlokk indirizzat sal-aħħar ta’ Settembru

Is-Sindku ta’ Marsaxlokk jitfa’ ħarstu fuq il-monti popolari ta’ Marsaxlokk u jipproponi li dan kollu jinbidel sa tmiem dan ix-xahar 

Il-gazzetta ILLUM tinsab informata li sal-aħħar ta’ dan ix-xahar, il-Kunsill Lokali ta’ Marsaxlokk se jkun qiegħed idaħħal fis-seħħ diversi bidliet bl-għan li jiġi indirizzat ir-‘rebus’ ta’ nhar ta’ Ħadd.

L-ILLUM tinsab informata li bħala parti mir-riġenerazzjoni tal-lokalità, is-Sindku Steven Grech qiegħed jipproponi li l-ewwel nett jiġu stabbiliti ħinijiet differenti għas-sajf u x-xitwa u li tul Xatt is-Sajjieda jkun projbit il-parkeġġ ta’ vetturi anke jekk dan ikun miftuħ għat-traffiku.

Apparti minn dan, mhux se jitħallew jidħlu aktar trakkijiet u vannijiet biswit ix-xatt ta’ Marsaxlokk. Bidliet oħra li se jkunu qegħdin jidħlu fis-seħħ huma li l-iskali u ċertu żoni speċifiċi li jintużaw mis-sajjieda jridu jitħallew vakanti. 

Ta’ min jinnota wkoll li se jkunu qed jiċċaqalqu ammont ta’ bejjiegħa biex jibdew mill-pjazza sat-torri Vendome.

‘Oppożizzjoni mill-bejjiegħa li ma ridux jarmaw ħdejn xulxin’

Din il-gazzetta tinsab informata wkoll li tul il-proċess ta’ diskussjoni ħafna bejjiegħa kienu voċiferi kontra dawn il-pjanijiet minħabba li ma ridux jarmaw ħdejn xulxin skont il-kategorija u ppreferew li jibqgħu mħallta. 

Minkejja din ir-reżistenza, il-maġġoranza qed jaqblu mal-mod kif il-monti issa se jkun qed jiġi organizzat anke jekk ippreferew ikollhom il-vann magħhom.  

Apparti minn hekk, għaddejja diskussjoni dwar jekk il-bejjiegħa għandhomx jikkontribwixxu finanzjarjament lejn it-tindif u t-tisbiħ tal-lokalità. Hu mifhum li din taf tidħol fis-seħħ permezz ta’ by-law mill-Kunsill ta’ Marsaxlokk.

Għaldaqstant, jidher ukoll li l-Kunsill qed jisħaq fuq il-bżonn ta’ infurzar serju u għalhekk se jkunu qed jidħlu fis-seħħ ukoll multi ħorox għal dawk li ma jsegwux ir-regolamenti l-ġodda.

Fl-aħħar nett l-ILLUM tinsab informata li wara li jseħħ l-arranġament, il-Kunsill se jħares sabiex jorganizza r-ristoranti tal-lokalità. 

Dawn il-pjanijiet ġew imqanqla minn diversi fatturi fosthom l-estetika u l-periklu għax-xerrejja, turisti u klijenti tul Xatt is-Sajjieda. Notevolment, tul dawn id-diskussjonijiet, il-bejjiegħa kienu rrappreżentanti minn Għaqda Bejjiegħa tal-Monti, il-General Workers Union u oħrajn li ddeċidew li jibqgħu indipendenti.

Ta’ min jinnota wkoll li f’Jannar illi għadda, l-eks Sindku ta’ Marsaxlokk Horace Gauci kien ħabbar li l-Kunsill se jkun qiegħed jitlob lir-residenti jivvutaw f’referendum lokali dwar il-ħinijiet tal-monti ta’ nhar ta’ Ħadd li oriġinarjament kien iżarma fis-sitta ta’ filgħaxija. Finalment ix-Xlukkajri vvutaw sabiex il-monti tal-Ħadd tal-istess lokalità jibda jżarma fit-tlieta ta’ waranofsinhar.

Fid-dawl ta’ dan il-vot, l-ILLUM kienet niżlet fir-raħal pittoresk ta’ Marsaxlokk bl-għan li titħaddet ma’ diversi bejjiegħa tal-Monti dwar din id-deċiżjoni.

Wieħed mill-bejjiegħa li tkellem mal-ILLUM, qal li għalkemm huwa normalment iżarma qabel is-2pm u għalhekk id-deċiżjoni tal-Ħadd ma tantx se taffettwah, xorta kellu riżervi kbar.

“Jien sat-3pm inkun żarmajt. Noqgħod Marsaxlokk stess, sabiħ li hawnhekk ikun spazju miftuħ,” saħaq dan il-bejjiegħ. Minkejja dan, hu qal li, “il-problema hi li jekk lilna se jġegħluna nżarmaw fit-3pm, imbagħad tar-ristoranti se jimlew kull m’hawn bl-imwejjed u siġġijiet, se niġu ċikku briku,” kien irrimarka Josef.

Bejjiegħ ieħor kellu kummenti simili, “bħala ħin ma tantx taffettwani għaliex l-affarijiet tiegħi nista’ nerfagħhom u nipprova nbigħhom darb’oħra. Però dawk li jbigħu l-ħut ovvjament li se taffettwahom peress li dak li jkollhom armat iridu jbigħuh,” spjega dan il-bejjiegħ.

Hu kien saħaq li, “sikwit ikollna argumenti ma’ tar-ristoranti. Ġieli jagħlquk bl-imwejjed.”

More in Politika