Il-Wied tax-Xlendi qed jerġa’ jiġi riabilitat mill-Ministeru għal Għawdex

Dawn ix-xogħlijiet huma intiżi biex inaddfu l-wied minn materjal mormi illegalment

Il-Wied tax-Xlendi
Il-Wied tax-Xlendi

Il-Wied tax-Xlendi qed jerġa’ jiġi riabilitat mill-Ministeru għal Għawdex bħala parti minn sensiela ta’ inizjattivi ambjentali li qed jieħu l-istess Ministeru madwar Għawdex kollu.

Waqt żjara li għamlet fis-sit, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana qalet li dan il-proġett hu fażi mill-masterplan tax-Xlendi. Hekk kif beda x-xogħol fuq il-boathouses u d-dry standing area, issa wkoll qed isir it-tindif tal-wied.

Dawn ix-xogħlijiet huma intiżi biex inaddfu l-wied minn materjal mormi illegalment, jitnaddaf is-sediment li akkumula b’mod naturali matul is-snin, u jitneħħa l-qasab li kiber u qed jostakola l-perkors tal-ilma. F’dan il-proġett qed tingħata l-attenzjoni kollha lill-ekosistema marbuta ma’ dan is-sit u qed isir taħt moniteraġġ u skont il-prassi mitluba mill-awtoritajiet ikkonċernati. La darba jitnaddaf dan il-wied, se jkun qed iwassal ukoll biex ikun sors ta’ ilma alternattiv għall-bdiewa taż-żona.

Peress li x-xogħol huwa ambjentalment sensittiv, ħafna mix-xogħol qed isir bl-idejn u għalhekk il-Ministru Caruana rringrazjat lill-ħaddiema kollha li qed jaħdmu fuq dan il-proġett, partikolarment dawk fi ħdan id-Direttorat ta’ Eko-Għawdex kif ukoll lill-awtoritajiet ikkonċernati li id f’id ħadmu biex dan il-wied hekk importanti fil-pajsaġġ rurali Għawdxi jiġi riabilitat.

More in Politika