Tinfetaħ Triq Ħal Luqa f’Santa Luċija wara investiment ta’ €2 miljun

'Dan huwa proġett li juri biċ-ċar li m’aħniex qed ninvestu biss f’infrastruttura effiċjenti, iżda anke f’infrastruttura aktar sigura, infrastruttura tal-ogħla kwalità' - il-Ministru Ian Borg

Triq Ħal Luqa, irranġata u miftuġħa mill-ġdid
Triq Ħal Luqa, irranġata u miftuġħa mill-ġdid

Il-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Ian Borg żar Triq Ħal Luqa f’Santa Luċija fl-okkażjoni tal-ftuħ uffiċjali tagħha wara li twettaq proġett infastrutturali b’investiment ta’ €2 miljun li kien jinkludi t-twessigħ tat-triq, il-bini mill-ġdid tal-karreġġjati, tibdil tas-servizzi u l-pedamenti, l-introduzzjoni ta’ sistema għall-ġbir tal-ilma tax-xita u l-introduzzjoni ta’ faċilitajiet pedonali u għaċ-ċiklisti.

Għall-attività kien hemm ukoll preżenti s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis, is-Segretarju Permanenti għall-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali Christopher Cutajar flimkien mas-sindki u rappreżentanti tal-kunsilli ta’ Santa Luċija, Ħal Tarxien, Raħal Ġdid u Ħal Luqa u l-Kap Eżekuttiv ta’ Infrastructure Malta Inġ. Fredrick Azzopardi u tekniċi oħra.

“Illum qegħdin hawnhekk għax in-nies ta’ Santa Luċija, Ħal Tarxien, Raħal Ġdid u Ħal Luqa, in-nies kollha li jgħaddu minn din it-triq, bdew igawdu l-frott tal-ħidma tagħna. Dan huwa proġett li juri biċ-ċar li m’aħniex qed ninvestu biss f’infrastruttura effiċjenti, iżda anke f’infrastruttura aktar sigura, infrastruttura tal-ogħla kwalità u infrastruttura għal min juża mezzi alternattivi. Il-proġett ta’ Triq Ħal Luqa huwa eżempju ieħor li juri li l-mod kif qed nippjanaw u nimplimentaw l-infrastruttura tagħna huwa wieħed ħolistiku,” qal il-Ministru Borg.

Huwa spjega li minbarra t-tibdil strutturali f’din it-triq, sar ukoll disinn u bini mill-ġdid tar-roundabouts fit-trufijiet tagħha, filwaqt li ġew introdotti faċilitajiet sikuri bħal bus stops ġodda, pelican pedestrian crossings, dawl li juri aħjar u sistema ta’ crash barriers.

Il-Ministru Borg qal li fil-ġimgħat li ġejjin, Infrastructure Malta se tħawwel 175 siġra matul il-ġnubijiet ta’ din it-triq bħala parti mill-investiment ta’ €1 miljun li tħabbar aktar kmieni din il-ġimgħa, favur ambjent urban isbaħ u aktar ħadrani.

“Jidher biċ-ċar, b’mod speċjali hawnhekk, li l-gvern qiegħed jippjana l-infrastruttura tiegħu bħala network wieħed sħiħ li kollu kemm hu jrid jaħdem b’mod effiċjenti. Illum qegħdin fi Triq Ħal Luqa fejn lestejna dan il-proġett importanti, iżda nafu li bħalissa għaddej proġett multimiljunarju ftit passi ’l bogħod fil-Marsa Junction, nafu li bdiet il-ħidma favur il-mini l-ġodda ppjanti għal Santa Luċija, filwaqt li għaddejja ħidma f’toroq li jgħaqqdu lil Ħal Luqa ma’ Ħal Qormi wara li lestejna ħidma importanti kemm fi Vjal l-Avjazzjoni kif ukoll fit-toroq prinċipali ta’ Ħal Qormi ftit ’il bogħod minn hawn,” qal il-Ministru Ian Borg.

Hu spjega li l-faċilitajiet pedonali u għaċ-ċiklisti li saru f’din it-triq se jkunu qed jingħaqdu wkoll mat-telgħa tal-Addolorata u ma’ faċilitajiet oħrajn abbinati mal-Marsa Junction, biex kemm jista’ jkun pajjiżna jkollu wkoll network għall-mezzi alternattivi.

More in Politika