Il-barriera li kienet tieħu l-iskart tal-kostruzzjoni tieqaf tagħmel dan u titfa' lis-settur fi problemi

Il-Gvern ma jeskludix li jintervjeni jekk is-sitwazzjoni ma tkunx riżolta

Fi stqarrija l-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima ħabbar illi huwa infurmat illi l-barriera li kienet qiegħda tilqa’ skart ta’ kostruzzjoni mingħand terzi waqfet tagħmel dan b’impatt dirett fuq is-settur tal-kostruzzjoni b’mod ħolistiku. Dan ġie kkonfermat mill-Awtorità għall-Ambjent u Riżorsi wara li wettqet numru ta’ spezzjonijiet fis-sit riferut u siti oħra.

"Għaldaqstant, il-Ministeru jekk fiż-żmien approprjat ma jarax li ġiet riżolta mill-operaturi tal-barrieri nfushom din is-sitwazzjoni, ser ikun qiegħed jirrikorri għall-poteri u setgħat li tagħtih il-liġi u dan sabiex jiżblokka s-sitwazzjoni li nħolqot."

L-istqarrija tal-Ministeru tkompli tgħid li huwa neċessarju li s-settur tal-kostruzzjoni jagħraf li jrid ikun hu li jiġġestixxi dan il-materjal f’kuntest ta’ suq liberu. "Dan jassigura li jkun ta’ inċentiv li dan il-materjal ma jibqax jitqies bħala skart imma bħala riżorsa."

Fakkar ukoll kif wara li nħarġu xejn anqas minn 10 permessi ġodda mill-ERA biex barrieri privati jilqgħu l-iskart ta’ kostruzzjoni u saħansitra anka wara li propju ftit tax-xhur ilu l-Gvern "għat-tieni darba daħħal avviż legali li joffri incentiv fiskali lill-operaturi biex jilqgħu skart ta’ kostruzzjoni għall-prezz fis."

Il-gazzetta ILLUM kienet ippublikat storja dwar in-negozju li seta' jsir minn din il-barriera. 

More in Politika