Il-Ministru Borg jappella lil TM biex tisma l-ilmenti tan-nies dwar il-liċenzja tal-iscooters elettroniċi

Borg qal dan waqt li nieda proġett ta' tħawwil ta' 4,500 siġra indiġena sal-aħħar tas-sena

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali, Ian Borg saħaq li qiegħed jittama li l-ilmenti tan-nies, dwar il-liċenzja proposta għall-iscooters elettroniċi, ikunu diskussi minn Trasport Malta u jittieħdu inkonsiderazzjoni.

Borg qal dan meta kien mistoqsi mill-gazzetta ILLUM dwar il-proposta li l-liċenzja tal-iscooters elettroniċi ssir €25.

Huwa tenna dak li qal fl-aħħar jiem, jiġifieri li ma jagħmilx sens li l-liċenzja tal-mutur tkun irħas minn dik tal-iscooter elettroniċi, li wara kollox iniġġes anqas.

Il-Ministru qal dan waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu u li fiha tħabbar li 4,500 siġra indiġena se jkunu qed jitħawlu sal-aħħar ta’ din is-sena f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex.

B'reazzjoni, il-Moviment Graffitti ddeskriva dak li tħabbar dalgħodu bħala "mossa ta' paniku qabel il-protesta tas-Sibt li ġej."

"Wara li approva l-proġetti tas-Central Link fost oħrajn, li ħa jikkawżaw ħsara ambjentali, il-Ministru Borġ (li huwa responsabbli wkoll għall-Awtorità tal-Ippjanar u għas-Settur tal-Kostruzzjoni) mingħalih se jitfi r-rabja ta' ħafna Maltin (inklużi bosta kostitwenti tiegħu) billi jraqqa' l-pannu bil-qargħa aħmar (impurtat, għax kull għalqa li fadal qed jibniha)," insista l-Moviment.

Uħud mis-siġar imħawla. Ritratt | James Bianchi
Uħud mis-siġar imħawla. Ritratt | James Bianchi

More in Politika